Wednesday, November 25, 2026
Home Internazzjonali L-attakki Iżraeljani biddlu lil Gaza f’deżert tossiku

L-attakki Iżraeljani biddlu lil Gaza f’deżert tossiku

0
27

Gaza nbidlet f’art imħassra u tossika, b’aktar minn 99% tat-territorju Palestinjan juri sinjali ta’ kontaminazzjoni ambjentali kkawżata minn attakki militari Iżraeljani. Dan jingħad f’rapport ġdid mill-organizzazzjoni tal-karità Oxfam.

Ir-rapport jiddikjara li metalli tqal, fdallijiet ta’ splussivi, asbestos minn bini meqrud, kif ukoll dijossini u kontaminanti bijoloġiċi, qed jippreżentaw theddida għall-poplu Palestinjan, mhux biss bħalissa, iżda potenzjalment anke għal għexieren ta’ snin li ġejjin.

Id-direttur eżekuttiv ta’ Oxfam International, Amitabh Behar, sostna li l-impatt fuq Gaza wassal għal deterjorament fundamentali tal-kundizzjonijiet meħtieġa għas-sigurtà, il-ħajja u l-għajxien tal-bnedmin. Behar akkuża wkoll lil Iżrael b’delitti tal-gwerra ambjentali bħala parti minn ġenoċidju li għaddej bħalissa f’Gaża.

Iżrael ċaħad l-akkużi ta’ ġenoċidju – li qed jiġu eżaminati f’każ quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġstizzja – u ddeskriviehom bħala bla bażi u mgħawġa. Iżrael isostni li l-kampanja militari tiegħu f’Gaża hija att ta’ awtodifiża kontra l-Ħamas, b’reazzjoni għall-attakk fatali li twettaq fuq Iżrael fis-7 ta’ Ottubru 2023. 

Oxfam u l-Conflict and Environment Observatory (CEOBS), ibbażati fir-Renju Unit, użaw ritratti bis-satellita u analiżi spazjali u dejta oħra biex jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom fl-aktar rapport komprensiv ippubblikat s’issa dwar l-effetti ambjentali serji kkawżati minn tliet snin ta’ gwerra intensa f’Gaża.

Ir-rapport jispjega fid-dettall kif il-munizzjon użat fil-bumbardamenti intensivi min-naħa ta’ Iżrael, kif ukoll it-tifrik ta’ bini u infrastruttura meqruda, kollha ħallew impatt fuq l-ambjent.

Fi Frar, rapporteur speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti stqarr li ntefgħu aktar minn 200,000 tunnellata ta’ splussivi fuq Gaza f’perjodu ta’ kważi sentejn – ekwivalenti għall-enerġija totali ta’ madwar 13-il bomba atomika tat-tip ta’ dik ta’ Hiroshima.

Is-sena l-oħra, il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) stima li l-operazzjonijiet militari ta’ Iżrael, iġġeneraw aktar minn 61 miljun tunnellata ta’ tifrik fit-territorju; madwar 15% minn dan it-tifrik jista’ jġorr riskju għoli ta’ kontaminazzjoni minn materjali perikolużi.

Bis-sitt impjanti tat-trattament tad-drenaġġ ma jiffunzjonawx, id-drenaġġ mhux trattat bħalissa qed jitħallat mal-ilma ta’ taħt l-art u jinżel ukoll fil-Baħar Mediterran. L-impatt fuq is-saħħa ġie aggravat minn maltempati qawwija tax-xitwa li kkawżaw li l-ilma tax-xita jitħallat mad-drenaġġ u jiċċirkola fit-toroq u s-siti tat-tined li fihom jgħixu persuni spostati.

Ir-rapport tal-Oxfam jitlob li titwettaq valutazzjoni ambjentali sħiħa u indipendenti f’Gaża, bil-għan li jiġu identifikati r-riskji ta’ kontaminazzjoni qabel ma jsir xogħol ta’ tindif. Ir-rapport jgħid li trid tingħata attenzjoni speċjali lill-protezzjoni tal-ħaddiema involuti.

It-tobba f’Gaża diġà qed jirrappurtaw żieda fl-infezzjonijiet respiratorji akuti, ikkawżati mit-trab u t-tniġġis li ġejjin minn bini meqrud, kif ukoll mill-fatt li nies spostati qed jaħarqu l-plastik, ċraret u kartun biex jisħnu u jsajru l-ikel.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here