Fis-sajf tas-sena 2026, id-Djoċesi ta’ Għawdex ikkummissjonat Stħarriġ komprensiv xjentifiku fost iktar minn 400 persuna dwar il-fidi, il-prattika reliġjuża u l-attitudnijiet tal-popolazzjoni Għawdxija. Dan l-Istħarriġ sar biex jipprovdi stampa iktar ċara dwar fejn tinsab il-komunità Għawdxija bl-għan li jdawwal il-pjanifikazzjoni pastorali għas-snin li ġejjin waqt li jipprovdi bażi għal djalogu bejn id-Djoċesi u l-Insara f’Għawdex.
Minn dan l-Istħarriġ ħareġ li għalkemm il-fidi f’Għawdex għadha tinħass qawwija, tant li 70.6% wieġbu li jmorru l-Quddiesa tal-Ħadd regolarment u madwar 17.7% oħra jgħidu li jattendu spiss, madankollu madwar żewġ terzi (68%) jemmnu li l-ħajja tal-fidi f’Għawdex se tmur lura fl-10 snin li ġejjin. Huma 28% biss li jgħidu li jieħdu sehem f’attivitajiet reliġjużi l-iktar minħabba drawwa, u 72% jirrifjutaw espliċitament l-idea li jipprattikaw ir-reliġjon minħabba pressjonijiet familjari.
Għalkemm l-attendenza tal-Quddiesa għadha relattivament għolja, fejn jidħol is-Sagrament tal-Qrar, iċ-ċifri juru mod ieħor. B’mod ġenerali huma biss 7.3% dawk li jersqu għall-Qrar regolarment matul is-sena u 35.1% dawk li jmorru spiss, waqt li 43.6% rarament imorru u 14.0% ma jmorru qatt.
L-Istħarriġ jagħti stampa xi ftit iktar pessimista rigward il-faxxa tal-età ta’ żgħażagħ bejn is-16 u l-35. Il-persentaġġ ta’ żgħażagħ li jattendu l-Quddies regolarment f’din l-età jinżel għal 55%, waqt li għall-Qrar jaqa’ għal 24.7%. Fil-fatt mill-Istħarriġ joħroġ li l-Qrar qed jitqies iktar bħala prattika spiritwali okkażjonali jew inkella sagrament ta’ kriżi, iktar milli prattika spiritwali regolari. Min-naħa l-oħra l-Istħarriġ sab li r-raġuni ewlenija għal nuqqas ta’ prattika reliġjuża hija l-istil tal-ħajja mgħaġġla tal-lum, kif ukoll in-nuqqas ta’ ħin (47.5% fost dawk li wieġbu).
Skont l-Istħarriġ, il-fiduċja fis-saċerdot għadha pjuttost għolja f’Għawdex, tant li 93% jgħidu li għandhom impressjoni pożittiva tal-qassisin u li jsibuhom disposti li jgħinuhom personalment.
L-Istħarriġ iffoka wkoll fuq il-festi patronali, fejn 80% ta’ dawk li ħadu sehem fl-Istħarriġ jemmnu li l-aspett reliġjuż tal-festi qed jitnaqqar, tant li 54% jixtiequ li jinżamm bilanċ fl-ipprogrammar bejn il-parroċċa u l-assoċjazzjonijiet involuti fil-festa.
L-Għawdxin jidher li huma sodisfatti bil-mod kif il-Knisja f’Għawdex qed tikkomunika magħhom (72%). Imma l-inqas rati għoljin ta’ sodisfazzjon (49%) jirrigwardaw il-ħidma maż-żgħażagħ u mal-familji.
Minkejja li l-fiduċja tan-nies fil-Knisja f’Għawdex għadha pjuttost kbira (92.5%), l-Istħarriġ wera li 65% jixtiequ li l-Knisja f’Għawdex tiġġedded u timmodernizza ruħha. Il-biċċa l-kbira jaqblu li għandha tingħata iktar responsabbiltà lil-lajċi, għandha ssir iktar konsultazzjoni mal-parruċċani, u jingħataw iktar rwoli formali lin-nisa.
