Minn pressjonijiet globali għal tkabbir ta’ kwalità ogħla

Philip Fenech jisħaq li s-sena 2027 għandha tkun punt ta’ bidla għas-settur turistiku Malti, b’enfasi fuq turisti li jonfqu aktar, kwalità aħjar u investiment sostenibbli

Aqra wkoll

Malta tinsab f’pożizzjoni b’saħħitha fis-settur turistiku hekk kif qed tagħlaq is-sena 2026 b’aktar minn 4.5 miljun viżitatur. Madankollu, l-isfida ewlenija għas-sena li ġejja għandha tkun li dan it-tkabbir jinżamm b’mod sostenibbli, filwaqt li tingħata aktar importanza lill-kwalità milli sempliċiment lin-numru ta’ turisti li jżuru l-gżejjer Maltin. Il-volum huwa importanti wkoll minħabba li f’Malta hawn diversi negozjanti li nvestew bil-kbir f’dan il-qasam… iżda rridu nimmaniġjaw dan il-volum aħjar.

Hekk saħaq Philip Fenech, Deputat President tal-Kamra tal-SMEs u Chairman għat-Town Centre Management ta’ Paceville u San Ġiljan, meta ġie mistoqsi minn dan il-ġurnal dwar il-futur tat-turiżmu Malti għas-sena d-dieħla.

Fenech jispjega ma’ dan is-sit li s-sena li ġejja tista’ tkun sena ta’ aġġustament għas-settur, mhux minħabba xi tnaqqis jew diffikultajiet biss, iżda bħala opportunità biex Malta tikkonsolida dak li kisbet u timxi lejn mudell turistiku li jiġġenera aktar valur għall-ekonomija.

Huwa jinnota li l-pressjonijiet internazzjonali, fosthom iż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil u tan-nollijiet tal-ajru, flimkien ma’ baġits aktar limitati għall-familji f’pajjiżi bħar-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u Spanja, jistgħu jwasslu għal tibdil fil-mod kif l-Ewropej jippjanaw il-vaganzi tagħhom.

F’dan il-kuntest, Malta għandha tħares lejn dawn l-isfidi bħala opportunità biex tattira aktar turisti li jfittxu esperjenza ta’ kwalità u li jkunu lesti jonfqu aktar waqt iż-żjara tagħhom.

Skont Fenech, meta l-ispejjeż tal-ivvjaġġar jogħlew, it-turisti jibdew jagħżlu aktar bir-reqqa d-destinazzjonijiet tagħhom. Għalhekk, is-settur turistiku Malti għandu jiffoka fuq viżitaturi li jagħtu kontribut akbar lill-ekonomija lokali, aktar milli jibqa’ jiddependi biss fuq il-volum.

Huwa jindirizza wkoll id-dibattitu dwar it-turiżmu “żejjed”, fejn jenfasizza li l-problema mhijiex sempliċiment kemm jaslu passiġġieri fl-ajruport, iżda kif jiġu ġestiti l-ispazju, l-infrastruttura, l-utilitajiet u l-ambjent ta’ madwarna.

Fenech jirrikonoxxi li investiment privat sostanzjali wassal għall-iżvilupp ta’ lukandi u stabbilimenti ta’ livell għoli, u għolla l-istandards tal-ospitalità f’Malta u Għawdex. Madankollu, jirrimarka li l-iżvilupp mgħaġġel wassal ukoll għal ċerti żoni urbani li tilfu mill-estetika tagħhom, u li jeħtieġu aktar attenzjoni.

Fl-istess waqt, huwa jargumenta li s-suq turistiku li qed isir aktar selettiv għandu jservi bħala twissija kontra investiment żejjed f’kunċetti li diġà jeżistu. Skontu, fl-2027 mhux se jkun biżżejjed li operaturi jkomplu jżidu sodod jew jikkupjaw mudelli kummerċjali oħra, iżda se jkollhom joffru esperjenzi differenti u ta’ kwalità.

Fuq livell nazzjonali, Fenech jirrikonoxxi wkoll l-investiment tal-Gvern fl-infrastruttura, fosthom fit-toroq, il-konnessjonijiet marittimi, in-networks tal-enerġija u l-faċilitajiet pubbliċi. Madankollu, jisħaq li għad fadal ħafna xogħol xi jsir, partikolarment fit-titjib tal-indafa fit-toroq u l-ispazji pubbliċi, sabiex dawn jilħqu l-istess standards li qed jiġu offruti mill-aqwa lukandi u ristoranti f’pajjiżna.

Huwa jwissi wkoll li Malta ma tistax tnaqqas mill-isforzi tagħha fil-promozzjoni turistika, speċjalment meta d-destinazzjonijiet Mediterranji qed jikkompetu b’mod aktar qawwi biex jattiraw viżitaturi.

Għalhekk, il-pajjiż għandu jkompli jippromwovi lilu nnifsu b’mod aktar immirat, billi jiffoka fuq swieq u kategoriji ta’ turisti li jistgħu jħallu valur ekonomiku akbar.

Fenech jisħaq li wieħed mill-akbar vantaġġi ta’ Malta huwa s-sigurtà u l-istabbiltà li toffri, f’dinja li għaddejja minn diversi inċertezzi. Barra minn hekk, il-gżejjer Maltin għandhom firxa wiesgħa ta’ attrazzjonijiet li jistgħu jattiraw tipi differenti ta’ viżitaturi.

Dawn jinkludu l-ħajja ta’ filgħaxija, il-festivals tal-mużika, it-turiżmu sportiv, it-tagħlim tal-Ingliż, l-għadis, il-gastronomija, il-wirt kulturali u t-turiżmu relatat ma’ konferenzi u avvenimenti internazzjonali ta’ livell għoli.

Fil-konklużjoni tiegħu ma’ dan il-ġurnal, Fenech jenfasizza li Malta diġà wriet li kapaċi tattira numri rekord ta’ turisti, iżda l-isfida vera issa hija li tiżgura li dan it-tkabbir ikun ta’ benefiċċju għall-ekonomija, għall-operaturi u għall-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

“L-2027 għandha għalhekk tkun sena fejn is-settur turistiku Malti jagħmel pass importanti lejn mudell aktar sostenibbli, kompetittiv u ffukat fuq l-eċċellenza,” itemm jgħid Philip Fenech, Deputat President tal-Kamra tal-SMEs.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport