Opportunitajiet għal titjib edukattiv bit-teknoloġija diġitali

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-teknoloġija diġitali ġġib magħha mhux biss opportunitajiet għal titjib fl-edukazzjoni, imma wkoll għat-twessiegħ tal-aċċess għall-għarfien u tinkoraġġixxi wkoll aktar parteċipazzjoni fil-ħajja pubbliku. Madankollu, dawn l-opportunitajiet iġibu magħhom ukoll responsabbiltajiet u sfidi li jeħtieġu attenzjoni.

Dan kien il-messaġġ ewlieni li wassal l-Ambaxxatur mhux residenti ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja Dr Kenneth Vella waqt konferenza internazzjonali bit-tema “Threats to Democracy and Education in a Digital World” li saret fil-Palazz ta’ San Anton, Ħ’Attard.

L-avveniment ġie organizzat minn Dr Vella flimkien ma’ GIOYA Higher Education Institution, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, u kien immirat għall-edukaturi u għall-uffiċjali li jaħdmu fil-qasam tad-diplomazija u l-affarijiet internazzjonali.

Fid-diskors tiegħu, Dr Vella enfasizza li l-laqgħa kienet tirrifletti r-relazzjonijiet tajbin li Malta għandha ma’ diversi pajjiżi, kif ukoll l-impenn ta’ GIOYA biex tappoġġja inizjattivi li jgħaqqdu l-edukazzjoni u id-diplomazija fid-dibattitu pubbliku.

Il-kollaborazzjoni bejn Malta, l-Estonja u l-Finlandja

Parti mid-diskors tiegħu kienet iddedikata għall-ħidma diplomatika li saret fl-aħħar xhur mal-Estonja u l-Finlandja. Dr Vella spjega li Malta u dawn iż-żewġ pajjiżi jaqsmu valuri u aspirazzjonijiet komuni, partikolarment fir-rigward tal-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali.

Huwa sostna li pajjiżi żgħar jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti permezz tal-għarfien, il-kreattività u l-impenn taċ-ċittadini tagħhom. Il-ħidma diplomatika, qal, fetħet opportunitajiet għal kollaborazzjoni f’oqsma bħall-edukazzjoni, it-teknoloġija diġitali, it-turiżmu, in-negozju u l-kultura, li f’diversi każijiet wasslu għal sħubijiet konkreti.

Bħala eżempju semma l-iskambji edukattivi bejn Malta u l-Estonja. Matul l-aħħar sentejn, aktar minn 150 edukatur Malti żaru l-Estonja biex isiru familjari mal-iskejjel u jitgħallmu aktar dwar is-sistema edukattiva tagħha. Min-naħa l-oħra, aktar minn 100 edukatur Estonjan żaru Malta matul dawn l-aħħar snin.

Dr Vella semma wkoll il-kooperazzjoni mal-Finlandja, li wasslet għal riżultati importanti permezz ta’ żjarat u opportunitajiet ta’ taħriġ għal aktar minn 250 edukatur Malti.

L-edukazzjoni bħala pilastru tad-demokrazija

Meta indirizza t-tema ewlenija tal-konferenza, Dr Vella wissa li l-progress teknoloġiku, minkejja l-benefiċċji tiegħu, jista’ jġib miegħu riskji għall-fiduċja pubblika u għall-istituzzjonijiet demokratiċi.

Huwa rrimarka li d-diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni online, l-attakki ċibernetiċi u l-użu ħażin tad-data personali jistgħu jdgħajfu l-fiduċja tas-soċjetà. Żied jgħid li l-iżviluppi fl-intelliġenza artifiċjali qed joħolqu sfidi addizzjonali li jeħtieġu riflessjoni u azzjoni responsabbli.

Skont Dr Vella, parteċipazzjoni demokratika sinifikanti tiddependi mill-kapaċità tan-nies li jkollhom aċċess għal informazzjoni affidabbli, jeżaminaw argumenti differenti u jaslu għall-ġudizzji tagħhom huma stess.

Għalhekk, huwa saħaq li l-edukazzjoni għandha rwol ċentrali li jmur lil hinn mit-tagħlim dwar kif jintużaw apparat u għodod diġitali. L-edukaturi għandhom jgħinu lill-istudenti jistaqsu dwar is-sorsi tal-informazzjoni, jevalwaw l-evidenza, jagħrfu l-manipulazzjoni u jifhmu l-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħhom.

Huwa enfasizza wkoll l-importanza ta’ ambjent edukattiv fejn l-istudenti jkunu jistgħu jiddiskutu opinjonijiet differenti b’rispett, u b’hekk jissaħħu l-valuri demokratiċi.

Dr Vella żied jgħid li l-għalliema, bħad-diplomatiċi, jeħtieġu żvilupp professjonali kontinwu biex ikunu jistgħu jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom b’għarfien u kunfidenza.

Huwa semma wkoll il-ħtieġa li l-ġenituri jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex jgħinu lil uliedhom jinnavigaw f’ambjent ta’ informazzjoni li qed jinbidel b’ritmu mgħaġġel.

Żied jgħid li l-edukazzjoni għad-demokrazija għandha tkun riflessa fit-tagħlim, fit-taħriġ professjonali u f’opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja. L-għan għandu jkun li n-nies ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod responsabbli, jirrispettaw id-drittijiet ta’ ħaddieħor u jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

Fl-aħħar nett, Dr Vella saħaq li r-rispons għall-isfidi diġitali għandu jkun wieħed inklużiv, sabiex l-aċċess għat-teknoloġija, il-ħiliet diġitali u l-informazzjoni affidabbli jkunu disponibbli għal persuni ta’ kull età u minn kull sfond.

L-esperjenza tal-Estonja fid-diġitalizzazzjoni

Il-konferenza kienet tinkludi wkoll intervent mill-eks President tal-Estonja, Thomas Hendrik Ilves, li tkellem dwar l-esperjenza ta’ pajjiżu fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni u dwar kif tista’ tinbena soċjetà diġitali sigura u effettiva.

Ilves iddeskriva lill-Estonja bħala wieħed mill-aktar pajjiżi diġitalizzati fid-dinja, fejn l-użu tat-teknoloġija sar parti integrali mill-ħidma tal-gvern u mis-servizzi pubbliċi.

B’popolazzjoni ta’ madwar 1.3 miljun ruħ, l-Estonja rnexxielha tibni sistema diġitali li sservi kemm lill-pubbliku kif ukoll lill-istituzzjonijiet tal-Istat. Spjega li l-pajjiż ma għażilx sempliċement li jixtri teknoloġiji ġodda, iżda għaraf juża soluzzjonijiet eżistenti b’modi innovattivi.

Huwa wissa li l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali qed iseħħ b’ritmu mgħaġġel ħafna, u għalhekk is-soċjetajiet għandhom ikunu preparati biex jifhmu l-implikazzjonijiet tagħha u jindirizzaw ir-riskji li jistgħu jinħolqu.

Fost kelliema oħra li indirizzaw din il-konferenza kien hemm Babitha V. Leclere – Senior Vice President, Global Partnerships, MSM Unify, Alex Mejia – Direttur tad-Diviżjoni għall-Iżvilupp tan-Nies u s-Soċjetà fi ħdan l-UNITAR u Francesco Cappè – President ta’ GIOYA Higher Education Institution.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport