Tuesday, November 24, 2026
Home Opinjoni Fastidju fuq ix-xogħol: inċident wieħed jista’ jkun biżżejjed

Fastidju fuq ix-xogħol: inċident wieħed jista’ jkun biżżejjed

0
37

Jikteb Dr Aron Mifsud Bonnici

Kumment b’tifsira sesswali waqt laqgħa. Messaġġ mhux mixtieq mingħand superjur. Ġest mhux xieraq waqt il-festin tal-Milied tal-kumpanija. Min jgħaddi minn esperjenza bħal din jista’ jkollu dubju jekk jistax jagħmel ilment meta l-inċident ikun seħħ darba biss.

It-tweġiba hi li darba waħda tista’ tkun biżżejjed. Biex imġiba titqies bħala fastidju fuq ix-xogħol, mhux dejjem hemm bżonn li tirrepeti ruħha jew tibqa’ għaddejja għal ġimgħat u xhur.

Minn April li għadda, il-liġi tal-impjiegi tgħid espressament li l-vjolenza u l-fastidju jistgħu jkunu okkorrenza waħda jew ripetuta. Għalhekk, il-fatt li inċident seħħ darba biss ma jeskludix li jkun hemm ksur tal-liġi.

Dan ma jfissirx li kull argument, nuqqas ta’ qbil jew kelma iebsa fuq ix-xogħol jammontaw għal fastidju. Jeħtieġ li jitqiesu n-natura tal-imġiba, iċ-ċirkostanzi u jekk jintlaħqux ir-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi.

Id-definizzjoni li nsibu fil-liġi tkopri mġiba, prattiċi u ommissjonijiet inaċċettabbli, kif ukoll it-theddid tagħhom. Tinkludi kemm każijiet fejn l-għan ikun li tiġi kkawżata ħsara jew tbatija, kif ukoll każijiet fejn dawn ikunu fil-fatt irriżultaw jew x’aktarx jirriżultaw.

Il-ħsara jew it-tbatija jistgħu jkunu ta’ natura fiżika, psikoloġika, sesswali jew ekonomika. Id-definizzjoni tinkludi wkoll il-vjolenza u l-fastidju abbażi tal-ġeneru.

Il-protezzjoni mhix limitata għal min għandu impjieg. Tkopri wkoll persuni li jkunu qed jitħarrġu, fosthom interns, trainees u apprendisti, irrispettivament minn jekk ix-xogħol tagħhom ikunx regolat b’kuntratt jew jekk jitħallsux.

Tgħodd ukoll għal persuni li l-impjieg tagħhom ikun ġie terminat, għal voluntiera, u għal persuni li jkunu qed ifittxu impjieg, japplikaw għalih jew ikunu kandidati għalih.

Lanqas ma tieqaf mal-bieb tal-uffiċċju. Il-kunċett legali ta’ ambjent ta’ xogħol jestendi lil hinn mill-post fejn wieħed normalment jaqdi dmirijietu. Jinkludi l-postijiet fejn il-ħaddiem jirċievi l-ħlas tiegħu, jistrieħ jew jiekol, kif ukoll il-faċilitajiet sanitarji u dawk fejn jinħasel jew ibiddel ħwejġu.

Il-protezzjoni tkopri wkoll vjaġġi, taħriġ, avvenimenti u attivitajiet soċjali relatati max-xogħol, bħall-festin tal-Milied tal-kumpanija. L-istess japplika għal komunikazzjoni marbuta max-xogħol, inklużi messaġġi, emails, telefonati u chat groups. Tinkludi wkoll l-akkomodazzjoni pprovduta minn min iħaddem u l-vjaġġ lejn ix-xogħol u lura.

Fil-qasam tal-fastidju sesswali, il-prinċipju li att wieħed jista’ jkun biżżejjed kien diġà ġie meqjus mit-Tribunal Industrijali.

Fl-2010, fil-każ Bonello v The General Soft Drinks Company Ltd, it-Tribunal eżamina lment ta’ impjegata li kienet sfat fil-mira ta’ kumment goff b’tifsira sesswali, magħmul minn maniġer waqt laqgħa quddiem madwar għoxrin persuna.

Il-kumpanija sostniet li kien inċident żgħir u iżolat. It-Tribunal ma aċċettax dan l-argument. Osserva li l-liġi kienet tirreferi għal “att”, fis-singular, u li att wieħed seta’ fih innifsu jikkostitwixxi ksur tal-liġi. Ma kienx meħtieġ li l-imġiba tirrepeti ruħha.

Il-każ jitfa’ dawl ukoll fuq ir-responsabbiltà ta’ min iħaddem. L-ilment quddiem it-Tribunal kien kontra l-kumpanija, mhux kontra l-maniġer personalment. It-Tribunal aċċetta li l-kumpanija ma kinitx awtomatikament responsabbli għal kumment li ma setgħetx tipprevedi. Madankollu, sab nuqqasijiet fil-mod kif kienet tipprevjeni u tindirizza l-fastidju.

Il-policy interna kontra l-fastidju kienet tqassmet lill-maniġers biss, mingħajr ma kienet twasslet lill-ħaddiema. Barra minn hekk, min xtaq jilmenta kellu jirrikorri għand l-istess persuni li seta’ jkollu lment dwarhom.

It-Tribunal ta piż ukoll lill-fatt li, f’għaxar snin, ħadd mill-260 ħaddiem ma kien ressaq ilment ta’ fastidju sesswali. Qies dan bħala indikazzjoni li l-ħaddiema kienu jibżgħu jitkellmu.

Wara l-inċident, il-maniġer kien talab skuża. Il-kumpanija, iżda, kienet baqgħet tistenna lill-impjegata tieħu l-inizjattiva, minflok ma avviċinatha biex tindirizza dak li ġara u tara li ma jerġax iseħħ.

Ir-Regolamenti dwar Trattament Ugwali fl-Impiegi jimponu obbligi fuq min iħaddem f’dan ir-rigward. Ir-regolament 12A jitlob miżuri effettivi għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba s-sess, b’enfasi partikolari fuq il-fastidju u l-fastidju sesswali. Dan japplika fuq il-post tax-xogħol, fl-aċċess għall-impjieg, fit-taħriġ vokazzjonali u fil-promozzjoni. Għalhekk, apoloġija mingħand il-persuna involuta ma tfissirx, waħedha, li min iħaddem ikun wettaq l-obbligi tiegħu.

Għal min jesperjenza fastidju, l-ewwel pass prattiku hu li jżomm rendikont preċiż ta’ dak li jkun ġara. Għandu jniżżel id-data, il-ħin, il-kliem li jkun intqal u min kien preżenti, u jżomm kopji ta’ messaġġi jew komunikazzjoni oħra rilevanti.

Għandu wkoll juża l-proċedura interna biex jirrapporta l-inċident. Jekk l-ilment ikun dwar is-superjur dirett tiegħu, għandu jirrikorri għand persuna oħra responsabbli, bħad-dipartiment tar-riżorsi umani jew maniġer f’kariga ogħla. Huwa importanti li jżomm kopja tal-ilment u ta’ kull tweġiba li jirċievi.

Iż-żmien huwa kruċjali. Skont il-liġi, ilment quddiem it-Tribunal Industrijali jrid jitressaq fi żmien erba’ xhur mill-ksur allegat. Min ikun qed jikkunsidra li jirriżenja għandu jieħu parir legali qabel jagħmel dan, għax il-passi li jieħu jistgħu jaffettwaw it-talbiet li jkun jista’ jressaq.

Anki persuna li tkun qed tiġi akkużata b’fastidju għandha tieħu parir minn kmieni. L-istess imġiba tista’ twassal għal proċeduri dixxiplinari, ilment quddiem it-Tribunal u proċeduri kriminali.

Il-liġi llum tgħid li min jinstab ħati ta’ fastidju jista’ jeħel bejn sitt xhur u sentejn priġunerija, multa minn €5,000 sa €10,000, jew it-tnejn flimkien.

Il-messaġġ tal-liġi huwa ċar: biex il-fastidju jittieħed bis-serjetà, m’hemmx għalfejn wieħed jistenna li jerġa’ jseħħ. Inċident wieħed jista’ jkun biżżejjed, u għandu jiġi indirizzat fil-ħin.

Dan l-artiklu jipprovdi informazzjoni ġenerali u ma jikkostitwixxix parir legali. Dr Aron Mifsud Bonnici huwa avukat li jipprattika fil-kamp tal-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here