Jikteb Andre Buhagiar
Hemm espressjoni li spiss nisimgħu fid-diskors politiku u ekonomiku: il-kejk qed jikber. imma wasal iż-żmien li nistaqsu mistoqsija oħra, forsi aktar importanti: il-kejk qed jinqasam bejn kulħadd, jew għad hemm min qed jieħu sehem akbar minn ħaddieħor?
Ma hemmx dubju li Malta għamlet passi ‘l quddiem. L-ekonomija kibret, l-impjiegi żdiedu, inħolqu opportunitajiet ġodda u sar investiment f’diversi setturi. Dawn huma kisbiet li għandhom jiġu rikonoxxuti iżda l-progress ta’ pajjiż ma għandux jitkejjel biss biċ-ċifri u bl-istatistika. Għandu jitkejjel ukoll minn kemm dan il-progress qed jinħass fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini.
X’jiswa li l-kejk jikber jekk mhux kulħadd qed igawdi minnu?
Għandna familji li minkejja li jaħdmu, xorta jridu joqogħdu attenti għal kull ewro li jonfqu. Għandna żgħażagħ li qed jippruvaw jibnu futur tagħhom, iżda qed jaffaċċjaw sfidi biex isibu akkomodazzjoni affordabbli. Għandna pensjonanti li jridu jgħixu b’dinjità u ħaddiema li minkejja s-sagrifiċċji tagħhom jibqgħu jħossu l-pressjoni tal-għoli tal-ħajja.
Kultant wieħed jinnota li l-istess persuni qed ikunu preżenti f’diversi bordijiet, kumitati u entitajiet. Naturalment, ma hemm xejn ħażin li persuna kapaċi u kompetenti taqdi aktar minn rwol wieħed. Madankollu, għandna nistaqsu jekk dan hux dejjem l-aħjar mod kif noħolqu opportunitajiet għal aktar nies.
Jiena nemmen li mhux dejjem għandhom ikunu l-istess nies fil-bordijiet. Għandna nies b’talent, esperjenza, kwalifiki u ideat ġodda li wkoll jistħoqqilhom opportunità biex jagħtu kontribut.
X’jistgħu jkunu s-soluzzjonijiet konkreti?
L-ewwel nett, għandha tinħoloq sistema aktar miftuħa fejn kull post vakanti f’bord jew kumitat pubbliku jiġi reklamat pubblikament, b’kriterji ċari u trasparenti. It-tieni, għandha tingħata importanza lill-kompetenza, l-esperjenza u l-kwalifiki, filwaqt li l-għażla tal-persuni ssir permezz ta’ proċess ġust u dokumentat.
It-tielet, għandna nikkunsidraw limiti raġonevoli fuq kemm persuna tista’ tokkupa karigi f’bordijiet pubbliċi fl-istess ħin, b’eċċezzjonijiet ġustifikati fejn ikun hemm bżonn ta’ kompetenza speċjalizzata. Ir-raba’, għandhom jiġu stabbiliti limiti ta’ żmien għall-ħatra u l-possibbiltà ta’ rotazzjoni, sabiex aktar nies ikollhom iċ-ċans iservu u jikkontribwixxu.
Fl-aħħar nett, għandna nippubblikaw lista aġġornata tal-ħatriet pubbliċi, ir-responsabbiltajiet, it-tul tal-ħatra u l-kriterji li wasslu għall-għażla. B’hekk inkunu qed insaħħu l-fiduċja u t-trasparenza.
Dan mhuwiex argument kontra xi individwu partikolari, iżda argument favur aktar meritokrazija, trasparenza u opportunitajiet indaqs. Il-karigi pubbliċi għandhom ikunu bbażati fuq il-kompetenza u l-kontribut, mhux fuq il-fatt li dejjem insibu l-istess ismijiet f’kull bord.
Jekk verament irridu soċjetà li fiha kulħadd ikollu sehem, irridu napplikaw dan il-prinċipju mhux biss għall-ġid ekonomiku, iżda wkoll għall-opportunitajiet u r-responsabbiltajiet.
Ir-rwol tal-Gvern għandu jkun li joħloq il-ġid, iżda wkoll li jiżgura li dan jasal għand in-nies. Dan ifisser aktar investiment fis-servizzi pubbliċi, fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fl-akkomodazzjoni u fil-komunitajiet tagħna. Ifisser ukoll li ħadd ma għandu jħossu eskluż mill-opportunitajiet li pajjiżna jista’ joffri.
Malta għandha l-potenzjal li tkompli timxi ‘l quddiem. Għandna nibqgħu ambizzjużi, iżda wkoll ġusti. Għandna nibnu ekonomija li tikber, iżda li tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tagħha.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-mistoqsija mhijiex biss kemm hu kbir il-kejk, iżda kif qed jinqasam.
Il-progress veru ma jfissirx li ftit imorru ‘l quddiem, iżda li aktar nies ikollhom iċ-ċans jimxu ‘l quddiem flimkien. Il-kejk għandu jikber, iżda għandu jkun hemm post għal kulħadd madwar il-mejda.
