Il-GWU tisħaq fuq il-ħtieġa ta’ qafas legali ċar għall-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fuq il-post tax-xogħol

Aqra wkoll

Il-ħtieġa ta’ qafas legali ċar, twaqqif ta’ policies, taħriġ u djalogu soċjali effettiv sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-ħaddiema fl-era tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI) kienet fil-qofol tal-workshop nazzjonali organizzat mill-General Workers’ Union (GWU) fil-qafas tal-proġett AIDIALOGUE, bit-tema “Strengthening Social Dialogue in the Age of AI and Algorithmic Management Systems (AMS)”.

Il-proġett AIDIALOGUE, li huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea b’valur totali ta’ €567,874.68, beda f’April 2026 u jiġbor flimkien 11-il sieħeb minn seba’ pajjiżi Ewropej: Malta, il-Polonja, l-Estonja, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Ungerija u l-Belġju. Il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ id-djalogu soċjali u l-għarfien dwar l-impatt tal-Intelliġenza Artifiċjali u l-algorithmic management systems (AMS) fid-dinja tax-xogħol.

Matul il-workshop, Jonathan Gerada, Chief Artificial Intelligence Officer fis-Servizz Pubbliku, spjega l-ħidma li qed titwettaq fir-rigward tal-introduzzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali, b’enfasi fuq il-governanza, il-konsultazzjoni, it-taħriġ u t-titjib fil-ħiliet tal-ħaddiema. Huwa enfasizza li, minkejja l-avvanzi teknoloġiċi, il-kontroll u l-ġudizzju tal-bniedem għandhom dejjem jibqgħu ċentrali.

Min-naħa tiegħu, Dr Daniel Gravino, espert tal-proġett mill-Università ta’ Malta, ippreżenta r-riżultati ta’ studju dwar l-impatt tal-Intelliġenza Artifiċjali u l-ġestjoni algoritmika fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Ġew diskussi wkoll kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-data, il-monitoraġġ tal-ħaddiema, il-proċeduri dixxiplinarji u l-importanza ta’ politiki u salvagwardji adegwati.

Fid-diskors tiegħu li bih għalaq il-workshop, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Camilleri, saħaq fuq il-ħtieġa ta’ qafas legali u regolatorju ċar li jiggarantixxi t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema fl-użu ta’ dawn it-teknoloġiji.

Camilleri rrefera għar-riżultati tal-istudju f’Malta, li wrew li kważi żewġ terzi tan-nies li wieġbu indikaw li l-AI diġà qed tintuża fl-organizzazzjonijiet tagħhom, filwaqt li kważi nofshom ma kinux ċerti jekk l-algorithmic management systems (AMS) humiex qed jintużaw fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

Is-Segretarju Ġenerali enfasizza li t-teknoloġija ma tistax tiġi introdotta mingħajr konsultazzjoni mal-ħaddiema u mar-rappreżentanti tagħhom. Huwa sostna li dawn għandhom ikunu involuti sa mill-istadju tat-tfassil tas-sistemi, sabiex jiġu evitati riskji ta’ diskriminazzjoni, sorveljanza eċċessiva u deċiżjonijiet awtomatizzati li ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati.

Camilleri tenna l-impenn tal-GWU li tkompli taħdem mal-Gvern, ma’ min iħaddem, mal-istituzzjonijiet edukattivi u mal-imsieħba soċjali sabiex jiġi żviluppat approċċ Malti għall-Intelliġenza Artifiċjali li jqiegħed lill-bniedem fiċ-ċentru.

Huwa temm billi esprima t-tama li l-proġett AIDIALOGUE jkun il-bidu ta’ diskussjoni nazzjonali usa’ dwar futur tax-xogħol li jkun diġitali, innovattiv, ġust u uman.

“It-teknoloġija għandha sservi lill-bniedem, u qatt bil-kontra,” temm jgħid Kevin Camilleri.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport