Ftit ġranet ilu ktibt lill-Kummissjoni Ewropeja u lill-kumpanija LEGO rigward id-deċiżjoni ta’ din il-kumpanija li ma tibgħatx il-prodotti tagħha lejn Malta. Meta nkunu qed inħufu sabiex nixtru xi prodott onlajn, kemm-il darba niltaqgħu mal-messaġġ “skużawna, dan l-oġġett ma nibgħatuhx pajjiżek.” Agħar minn hekk, bosta bejjiegħa jirrifjutaw ukoll li jibgħatu l-prodotti tagħhom lejn kumpaniji li jinsabu f’postijiet lejn fejn normalment jibgħatu jekk jiskopru li l-indirizz jgħajjat lil kumpanija li tirċievi l-prodotti u imbagħad tibgħathom f’pajjiż ieħor (bħas-servizz Sendon tal-Maltapost). Uħud minn negozjanti tagħna jiltaqgħu mal-istess diffikultà meta jiġu biex jimpurtaw il-prodotti tagħhom u l-għażla ta’ bosta bejjiegħa Ewropej li ma jibgħatux il-prodotti tagħhom lejn Malta qed twassal sabiex il-konsumatur isofri minn għażla iktar fqira jew prezzijiet ogħla.
Il-Kummissjoni Ewropeja hija konxja minn dawn il-limitazzjonijiet prattiċi fit-tħaddim tas-suq komuni, u fil-fatt nidiet sensiela ta’ miżuri sabiex tgħin reġjunijiet remoti bħal French Guiana u l-Gżejjer Kanarji jiġġieldu dan il-fenomenu. Madanakollu, dan l-iżvantaġġ ma jsofruħx biss ir-reġjunijiet remoti identifikati mill-Kummissjoni Ewropeja iżda wkoll Stati u reġjuni fil-periferija tal-Ewropa bħal Malta. L-Unjoni Ewropea tistma li l-kunfini artifiċjali fi ħdan is-suq komuni jiswew lill-konsumatur Ewropew €14 biljun.
Fl-2018 l-Kummissjoni bdiet tindirizza din l-inġustizzja permezz tar-Regolament dwar il-geo-blocking. Dan ir-regolament waqqaf lill-bejjiegħa milli jċaħħdu lill-konsumaturi prospettivi milli jidħlu fis-sit tagħhom sempliċiment għaliex ikunu jinsabu f’pajjiż ieħor. Permezz ta’ dan ir-Regolament il-bejjiegħa virtwali huma wkoll obbligati li ma jwettqu l-ebda diskriminazzjoni fejn il-bejgħ jikkonsisti f’servizzi virtwali jew prodott li ma jeħtieġx li jiġi mibgħut lill-konsumatur. Madanakollu s’issa l-bejjiegħa għadhom ħielsa li jagħżlu f’liema reġjuni u pajjiżi għandhom il-pjaċir li jibgħatu l-prodotti tagħhom. Dan mhux aċċettabbli għaliex b’hekk dawn in-negozjanti qed jieħdu vantaġġ sħiħ mill-benefiċċji tas-suq komuni mingħajr ma jġorru l-piż li jqisu lill-konsumaturi kollha b’mod indaqs. Konxja minn dan, il-Kummissjoni Ewropeja bdiet il-proċess sabiex tabbozza Att tal-UE dwar il-Kunsinna (EU Delivery Act), bil-ħsieb li tissimplifika t-tqassim ta’ kunsinji bejn Stati Membri differenti.
Filwaqt li l-Att propost se jgħin, waħdu mhux biżżejjed sabiex din l-inġustizzja tispiċċa darba għal dejjem. Għalhekk jeħtieġ li dan l-Att ikun akkumpanjat minn miżuri oħra, mhux l-inqas bit-tisħiħ u żieda fl-infurzar tar-Regolament dwar il-geo-blocking. Jeħtieġ ukoll jiġi żgurat li r-Regolamenti introdotti dan l-aħħar dwar l-ippakkjar tal-prodotti ma jwasslux sabiex il-bejjiegħa jkollhom skuża oħra biex ma jibgħatux il-prodotti tagħhom f’pajjiżi ċkejkna bħal tagħna. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-bejjiegħa li ma jibgħatux il-prodotti tagħhom lejn l-Ewropa wasslet sabiex ħafna konsumaturi Maltin ma kellhomx għażla oħra ħlief li jixtru l-prodotti li jixtiequ minn pjattaformi f’pajjiżi terzi bħal Temu u Shein, iżda issa din l-għażla ma għadhiex daqstant attrajenti bid-dħul ta’ miżata mposta mill-Kummissjoni Ewropeja fuq kull pakkett li nixtru. Mhux aċċettabbli li l-konsumatur jiġi ppenalizzat talli jixtri minn barra mill-Ewropa meta spiċċa jagħmel hekk għaliex ma kellux għażla oħra !
Jekk l-Unjoni Ewropeja tammetti li jeħtieġ ikollna regolamenti speċjali għal reġjuni remoti, ma narax għalfejn ma jistax ikollna wkoll regolamenti adatti għal ċirkustanzi bħal tagħna. Se nkun qed inżid il-ħidma tiegħi f’dan il-qasam sabiex naċċerta li l-konsumatur Malti ma jitqiesx bħala ċittadin tat-tieni klassi. Suq komuni ma jistax jissejjaħ verament komuni jekk uħud mill-konsumaturi fi ħdanu huma mċaħħda milli jgawdu l-benefiċċji sħaħ tiegħu.




