Il-Konferenza Annwali tas-Sindki 2026: ħames riżoluzzjonijiet għal aktar vuċi, responsabbiltà u effiċjenza fil-Gvern Lokali.
Minn Olaf McKay – Sindku tal-Belt Valletta
Kull lokalità jistħoqqilha l-aħjar, u kull resident jistħoqqlu Kunsill Lokali li jisimgħu, jifhem il-ħtiġijiet tiegħu u, fuq kollox, jaġixxi. Dan kien il-messaġġ ewlieni waqt il-Konferenza Annwali tas-Sindki ta’ Malta u Għawdex 2026, organizzata mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ġewwa Għawdex.
Din il-konferenza kienet opportunità importanti biex naqsmu l-esperjenzi, niddiskutu l-isfidi u nsaħħu l-ħidma tagħna favur il-komunitajiet.
Ħames riżoluzzjonijiet għal Gvern Lokali aktar effettiv
Matul il-konferenza ġew approvati ħames riżoluzzjonijiet importanti: il-possibbiltà li s-Sindki jaħdmu full-time; sehem akbar tal-Kunsilli fid-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjonijiet finanzjarji; koordinazzjoni aħjar mad-dipartimenti tal-Gvern permezz ta’ uffiċjali apposta; taħriġ għall-kandidati tal-Kunsilli Lokali; u tisħiħ strutturali u operattiv tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Dawn huma proposti konkreti li għandhom iwasslu għal Gvern Lokali aktar effiċjenti, responsabbli u b’saħħtu.
Mill-esperjenza tal-Belt Valletta għall-futur tal-lokalitajiet tagħna
Bħala Sindku tal-Belt Valletta, nifhem mill-qrib kemm il-ħidma tal-Kunsill Lokali tista’ tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.
Il-Belt Kapitali tagħna għandha sfidi partikolari. Hija ċentru amministrattiv, storiku, kulturali, turistiku u dak kummerċjali, iżda fuq kollox tibqa’ komunità ta’ residenti li għandhom id-dritt jgħixu f’ambjent dinjituż, sigur u sostenibbli.
Matul din il-leġiżlatura ħdimna biex insaħħu s-servizzi għall-anzjani, noħolqu opportunitajiet ġodda għat-tfal u ż-żgħażagħ, intejbu l-indafa, ninvestu fit-teknoloġija u nagħtu aktar spazju lill-parteċipazzjoni tal-komunità.
Iżda l-esperjenza għallmitni wkoll li hemm sfidi li Kunsill Lokali ma jistax isolvi waħdu. Hemm deċiżjonijiet li jiddependu fuq dipartimenti u awtoritajiet oħra, u proġetti li jeħtieġu koordinazzjoni bejn diversi entitajiet.
Għalhekk nemmen li l-Gvern Lokali għandu jingħata aktar opportunitajiet biex ikun parti mit-teħid tad-deċiżjonijiet li jolqtu direttament lill-komunitajiet.
Fl-istess waqt, nemmen li għandna nkomplu nimmodernizzaw il-mod kif naħdmu. It-teknoloġija, is-servizzi diġitali, it-trasparenza u l-ippjanar ibbażat fuq il-ħtiġijiet reali tar-residenti għandhom ikunu parti integrali mill-Gvern Lokali tal-futur.
Il-Kunsill Lokali m’għandux ikun biss uffiċċju amministrattiv. Għandu jkun ċentru ħaj fil-komunità, post fejn ikun hemm l-ideat, jinstabu s-soluzzjonijiet u jinbnew opportunitajiet ġodda.
Aspett li napprezza ferm f’konferenzi bħal dawn huwa l-opportunità li Sindki minn lokalitajiet differenti, b’fehmiet politiċi differenti, jiltaqgħu madwar mejda waħda għal għan komuni.
Il-problemi li jiltaqgħu magħhom ir-residenti ma jagħżlux kulur politiku. L-indafa, l-aċċessibbiltà, is-sigurtà, il-benesseri tal-anzjani u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ huma prijoritajiet li jgħaqqduna.
Nemmen li l-politika lokali għandha tkun mibnija fuq il-kollaborazzjoni, ir-rispett reċiproku u r-rieda ġenwina li nwettqu.
F’dan il-kuntest, nixtieq nirringrazzja lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, b’mod partikolari lill-President Mario Fava u lit-tim kollu tiegħu, għall-organizzazzjoni ta’ din il-konferenza u għall-ħidma kontinwa tagħhom biex isaħħu l-vuċi tas-Sindki u l-Kunsilli Lokali.
Nirringrazzja wkoll lill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, għall-impenn u l-ħidma tagħha, u fuq kollox talli tibqa’ qrib tagħna s-Sindki u l-Kunsilli Lokali kollha. Id-djalogu kontinwu bejn il-Gvern Ċentrali u l-Gvern Lokali huwa essenzjali biex flimkien inkomplu nwasslu servizzi aħjar lill-komunitajiet tagħna.
Insellem ukoll lill-Onor. Bernice Bonello, Shadow Minister għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, għall-attendenza tagħha. Il-preżenza u l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti minn naħat differenti tal-isfera politika jkomplu jsaħħu l-importanza ta’ djalogu kostruttiv dwar il-futur tal-Gvern Lokali f’pajjiżna.
Minn riżoluzzjonijiet għal riżultati
Nemmen li dawn ir-riżoluzzjonijiet għandhom jissarrfu f’azzjonijiet konkreti. Il-politika lokali mhijiex dwar il-karigi, iżda dwar id-differenza li nagħmlu fil-ħajja tan-nies.
Meta nsaħħu l-Gvern Lokali, insaħħu l-komunitajiet tagħna. U meta nsaħħu l-komunitajiet, intejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Għax fl-aħħar mill-aħħar, il-komunità tiġi l-ewwel.




