L-attakkant Brażiljan, Yuri de Jesus Messias, ħalla lill-club tal-Malta Premier League, Birżebbuġa St Peter’s, bi qbil reċiproku biex inħall mill-kuntratt tiegħu.
Bla dubju, il-kontribut tiegħu kien wieħed vitali għat-team promoss ta’ Birżebbuġa hekk kif dan il-player ta’ 35 sena dejjem kien preżenti fit-12-il partita li lagħbu s’issa fl-ogħla diviżjoni.
Huwa lagħab 853 minuta li fihom skorja goal wieħed … dak ta’ nhar id-9 ta’ Ottubru, 2026, fid-draw ta’ 2-2 kontra Mosta.
Minn dawn it-12-il partita, huwa lagħab seba’ partiti sħaħ, fi tliet okkażjonijiet beda l-partita u ġie sostitwit u fiż-żewġ logħbiet l-oħra ġie utilizzat bħala sostitut.
Huwa ġie jilgħab f’pajjiżna, fl-2013-14 ma’ Mosta biex eventwalment lagħab ukoll ma’ bosta timijiet fosthom Naxxar Lions (2016-18), Nadur Youngsters (2018), Valletta (2019-20 u 2025-26), Gudja United (2020-21), Gzira United (2021-22) u Marsaxlokk (2023-24).




