Jikteb l-eks Ministru Noel Farrugia.
In-nuqqas ta’ qbil huwa parti essenzjali mid-demokrazija. L-intolleranza u l-kundanna mgħaġġla, le.
Għalhekk nesprimi s-solidarjetà tiegħi ma’ Malcolm Paul, għaliex nemmen li l-ħsibijiet u l-interventi tiegħu għandhom jiġu evalwati għal dak li verament qed jgħid, u mhux għal interpretazzjonijiet li oħrajn jagħżlu li jagħtuhom.
Mhijiex l-ewwel darba li niltaqa’ ma’ sitwazzjonijiet fejn opinjoni differenti tinftiehem bħala attakk fuq tradizzjoni, professjoni jew interess partikolari.
Meta kont Ministru, f’qasam ministerjali differenti, kont nesprimi internament ħsibijiet simili, dejjem ibbażati fuq is-sens komun u fuq il-ħtieġa li niddistingwu bejn il-fatti u t-tradizzjonijiet.
Nieħdu l-irwiegel. Wieħed jista’ jirrispetta u japprezza din it-tradizzjoni popolari. Iżda m’hemm xejn ħażin li wieħed jiġbed l-attenzjoni li l-istaġuni huma marbuta ma’ ċikli naturali u astronomiċi u ma’ kalendarju ta’ tnax-il xahar, ferm eqdem mit-tradizzjonijiet tal-Milied.
L-istess prinċipju japplika għas-sajd u t-trobbija tal-ħut fil-fish farms.
Kont nesprimi l-vantaġġi naturali tal-ħut selvaġġ, li jikber fil-baħar mingħajr spejjeż ta’ trobbija, għalf u kura. Il-ħut fil-baħar jikber b’xejn; l-ispiża tibda meta wieħed irid jaqbdu. Dan qatt ma fisser li kont kontra l-fish farms jew kontra min jaħdem fihom.
Bil-kontra. Flimkien mal-Professur Karmenu Agius, dak iż-żmien ħdimna fuq ftehimiet bejn Malta u l-Libja, speċifikament għall-benefiċċju tas-sajjieda taż-żewġ pajjiżi. Din il-ħidma wasslet ukoll għal opportunitajiet ma’ kumpanija Ġappuniża ta’ livell għoli, li kienet toffri prezzijiet fost l-aqwa fid-dinja għat-tonn.
L-għan tiegħi ma kienx li nkisser negozju ta’ ħadd, iżda li noħolqu opportunitajiet ġodda u niftħu toroq akbar, anke għal dawk li kienu diġà jaħdmu fis-settur, fosthom sieħbi Charlie l-Puddle.
Din hija d-differenza bejn li tesprimi ħsieb u li tattakka lil xi ħadd.
Għalhekk, fil-każ ta’ Malcolm Paul, nemmen li għandna nħarsu lejn dak li verament qal, aktar milli niġġudikawh fuq interpretazzjonijiet tal-intervent tiegħu. Wieħed jista’ ma jaqbilx miegħu, iżda dan ma jfissirx li għandu jiġi kkundannat talli esprima ħsieb differenti.
It-tradizzjoni jistħoqqilha rispett. Il-professjoni jistħoqqilha dinjità. Iżda l-ħsieb liberu jistħoqqlu protezzjoni, għax huwa wkoll parti essenzjali mill-kultura.
U proprju għalhekk nesprimi s-solidarjetà tiegħi ma’ Malcolm Paul.




