Interruzzjoni kbira fis-servizzi tal-internet ta’ Microsoft madwar id-dinja kkawżat problemi, u f’xi każijiet saħansitra waqqfet servizzi sħaħ, inklużi l-emails u prodotti bbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali. Ir-rapporti dwar problemi fl-email Outlook laħqu l-ogħla livell globalment – kważi 140,000 rapport – nhar il-Ħamis filgħaxija.
Microsoft eskludiet li din l-interruzzjoni kienet ikkawżata minn inċident ta’ sigurtà ċibernatika, iżda stqarret li s’issa l-isforzi biex jiġu trattati u solvuti l-problemi li tfaċċaw ftit li xejn taw riżultati tajbin .
Is-servizzi ta’ Microsoft 365, inklużi Teams, Outlook u s-softwer tal-intelliġenza artifiċjali ta’ Microsoft, Copilot, ġew affettwati minn problemi ta’ konnettività.
Filwaqt li l-klijenti qed jirrappurtaw livelli differenti ta’ problemi ta’ aċċess, ħafna ma setgħux jibagħtu jew jirċievu emails, jaraw ċerti fajls, jew jiksbu dettalji fl-applikazzjonijiet tal-kalendarju tagħhom.
L-iskala sħiħa tal-interruzzjoni għadha ma ġietx ikkonfermata, iżda s-sit web ta’ monitoraġġ Downdetector il-Ħamis filgħaxija irċieva 140,000 rapporti minn persuni minn madwar 74 pajjiż dwar problemi bl-Outlook. Skont is-sit web ta’ Microsoft, hemm aktar minn 430 miljun persuna li jużaw l-applikazzjonijiet ta’ Microsoft 365.
Is-softwer jintuża wkoll minn kumpaniji madwar id-dinja, u huwa mistenni li din l-interruzzjoni taffettwa drastikament servizzi oħra wkoll. Il-ġganti tat-teknoloġija OpenAI u Anthropic it-tnejn irrappurtaw problemi bħala riżultat ta’ din l-interruzzjoni bla mistenni.
OpenAI, il-kumpanija wara ChatGPT, qalet li qed tinvestiga problema li qed taffettwa l-konnessjonijiet tagħha mas-servizzi ta’ Microsoft, li wasslet ukoll biex xi għodod ma jaħdmux kif mistenni.
Aġenziji u servizzi ta’ gvernijiet, inklużi l-gvern ta’ Singapor u l-aġenzija tal-ispjunaġġ tal-Awstralja, qalu wkoll li ġew affettwati.
Madwar ir-Renju Unit, l-interruzzjoni wasslet wkoll lil diversi kliniċi tat-tobba tal-familja biex wissew dwar problemi possibbli, b’uħud minnhom jagħtu pariri lill-pazjenti biex jagħmlu l-mistoqsijiet urġenti bit-telefon minflok permezz tal-email jew formola fuq l-internet.
Microsoft li eskludiet attakk ċibernetiku, attribwiet il-qtugħ tas-servizz li għaddej bħalissa għal “tagħbija elevata” fuq l-infrastruttura tagħha. It-terminu jirreferi għal meta s-servers ikunu qed jimmaniġġjaw volum qawwi ferm aktar ogħla mis-soltu.
Fil-każ tal-qtugħ tas-servizz ta’ Microsoft, numru kbir ta’ servers ma baqgħux “disponibbli b’mod mhux mistenni”, u dan ittrasferixxa traffiku miżjud lis-servers li kien fadal, bil-konsegwenza li poġġa pressjoni akbar fuqhom.
Nhar il-Ġmgħa filgħodu, Microsoft qalet li kienet osservat “suċċess marġinali” fl-isforzi tagħha biex tittratta l-inċident u ssolvi l-problemi u fl-aħħar aġġornament tagħha, il-kumpanija qalet li qed tkompli tissorvelja l-attività f’diversi reġjuni biex tevalwa l-istatus tas-servers u tiddetermina liema azzjonijiet tista’ tieħu biex ittejjeb il-kapaċità tas-servizz.




