Spiss nitkellmu fuq it-tisħiħ tal-ġustizzja soċjali, is-solidarjeta u t-titjib tal-kwalita tal-ħajja tal-familji u persuni vulnerabbli. Dawn il-prinċipji huma l-boxxla soċjali ta’ dan il-gvern u dan il-baġit ikompli jibni fuq din il-ħidma li qiegħda tħalli impatt qawwi fil-komunitajiet tagħna.
Insemmi benefiċċji i importanti bħaċ-children’s allowance, il-bonus għat-twelid jew l-adozzjoni ta’ tarbija, għajnuniet supplimentari bħal inwork benefits u l-pensjonijiet kuntributorji u m’humiex, fost bosta inizjattivi soċjali oħra li daħlu matul is-snin, ħafna minnhom mill-gvernijiet laburisti. Fl-aħħar 13-il sena, Gvern Laburista assigura żidiet fil-pensjonijiet sena wara oħra. Filwaqt li għamel dan kien kapaċi jassigura mhux biss pensjonijiet adegwati iżda sostenibbli mingħajr ma żied l-eta’ tal-irtirar kif sar f’ħafna pajjiżi Ewropej u kif kellna pressjoni anke mill-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali.
Dan kien possibbli biss, għaliex kabbarna l-ekonomija, ħloqna x-xogħol u żiedna b’mod qawwi l-ħaddiema fis-suq tax-xogġol, fosthom eluf ta’ nisa li bis-saħħa tac-child care setghu jidhlu fid-dinja tax-xogħol u jikkontribwixxu għalihom infushom , għal familji tagħhom u għall-ekonomija.Jiena kburija li nagħmel parti minn dal-gvern li l-legat soċjali tiegħu jinkludi miżuri ta’ għajnuna finanzjarja għal persuni b’diżabilità severa, għal ġenituri ta’ tfal b’mard rari u pazjenti li qed jieħdu trattament għall-kanċer jew li jbatu minn kundizzjonijiet bħall-Fibromyalgia. Dan il-baġit ikompli jibni fuq dan il-legat billi ser jipprovdi terapija b’xejn għat-tfal b’diżabilta li ser jagħmel tajjeb għalija l-gvern.
L-akbar suċċess tal-Partit Laburista kien li bena l-qafas soċjali tal-pajjiż, mill-welfare state, għall-edukazzjoni obbligatorja u servizz tas-saħħa b’xejn. Dan il-partit responsabbli għal passi kbar li saru fil-qasam soċjali u b’wiċċi minn quddiem ngħid li Gvern Laburista huwa l-unika garanzija tal-poplu Malti u Għawdxi li joħloq il-ġid u jużah bil-għaqal biex iwieżen lill-familji, ħaddiema, anzjani, żgħażagħ u biex jindirizza r-realtajiet soċjali li jiffaċċjaw.
F’soċjetà li qed tkompli tevolvi, il-ħtiġijiet tan-nies jinbidlu u l-politika tal-Gvern trid tkun kapaċi tirrispondi għal dawn il-bidliet u r-realtajiet. Għaldaqstant, l-għajnuna soċjali għandha tkun strument li toffri protezzjoni u serħan il-moħħ lil dawk li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet, filwaqt li tgħin biex jitnaqqsu l-persuni fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.Dan qatt ma kien il-gvern li jgħid li l-faqar huwa perċezjoni. Dan dejjem kien gvern b’ruħ soċjali li jxammar il-kmiem u jibqa jistinka biex jikkumbatti l-faqar, mhux biss bl-għajnuniet finanzjarja iżda wkoll bl-edukazzjoni għaliex l-edukazzjoni hija s-sellum tal-mobilta’ soċjali.
Dawn l-aħħar ġimgħat, bħal ma huwa mistenni, id-dibattitu pubbliku kien iddominat mill-baġit u ħafna tkellmu dwar l-implikazzjonijiet ekonomiċi tiegħu. Bla dubju, dawn huma importanti, iżda innutajt li d-dibattitu beda kwazi jinjora ċerti miżuri li, għalkemm jistgħu ma jolqtux lil kulħadd, xorta waħda se jagħmlu differenza konkreta fil-ħajja ta’ ħafna nies. L-aktar eżempju ċar huwa l-miżura li permezz tagħha aktar minn 3,000 mara se jibdew jirċievu pensjoni għall-ewwel darba. Dawn se jingħaqdu mal-4,000 mara oħra li dan id-dritt kisbuh għall-ewwel darba din is-sena b’miżura tal-baġit ta’ din is-sena.
Sal-lum , il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ persuna kienu jibqgħu marbuta magħha biss. Bil-mizura tal-baġit minn Jannar li ġej ser ikun possibbli li persuna, ħafna drabi irġiel li għandhom bolli imħallsa żejda, ser ikunu jistgħu jittrasferixxu sa ħames snin bolol lil konjugi. Dan ser iwassal biex mat-tliet elef mara oħra ser ikun intitolati għal pensjoni.
Pass ieħor importanti mill-gvern biex jindirizza l-gender pension gap li inħolqot b’riżultat ta’ realtajiet soċjali li kienu jeżistu fis-soċjetà tagħna meta l-mara kienet obbligata tieqaf taħdem malli tiżżewweġ. Irid ngħid ukoll li l-‘gender pay gap’ qiegħda tiġi indirizzata wkoll bil-miżura li mis-sena d-dieħla, r-romol li ħafna drabi huma nisa, ser igawdu l-pensjoni sħiħa ta’ żwieġhom. Din ir-riforma se tindirizza inġustizzja marbuta mal-inugwaljanza bejn is-sessi li s-soċjetà kienet imponiet fuq koppji anzjani matul l-għexieren ta’ snin li għaddew. Meta wieħed iħares lejn il-maġġoranza tal-koppji pensjonanti f’Malta, issib li ħafna minnhom jiddependu minn pensjoni waħda biss, meta fil-verità r-rekords konġunti tal-kontribuzzjonijiet tagħhom jippermettulhom li jikkwalifikaw għal żewġ pensjonijiet individwali. Dan id-dritt ġdid huwa żvilupp importanti ħafna għaliex se jtejjeb id-dħul tal-pensjonanti, iżda aktar minn hekk, qed jirrikonoxxi l-kontribut li n-nisa taw fi ħdan il-familji tagħhom u fil-pajjiż.
Nilqa’ wkoll riforma oħra introdotta fil-baġit, li dwarha ftit li xejn intqal. F’dawn l-aħħar snin, il-Gvern kien introduċa miżura li permezz tagħha eluf ta’ nisa bdew jirċievu bonus annwali, minkejja li kienu ħallsu kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali iżda mhux biżżejjed biex jikkwalifikaw għal pensjoni. Il-benefiċċju għal dawn in-nisa tjieb gradwalment, iżda, għall-kuntrarju ta’ benefiċċji oħra tas-sigurtà soċjali, ma kienx jiżdied awtomatikament skont l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja. Dan inbidel fil-Baġit 2027, u issa dawn in-nisa, bħal benefiċjarji oħra tas-sigurtà soċjali, se jkollhom l-benefiċċju tagħhom protett kontra l-inflazzjoni.
Dawn huma riformi progressivi li jsaħħu tassew is-soċjetà tagħna u jiżguraw kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd. Riformi li qed isiru għaliex tabilħaqq, u mhux bil-kliem biss izda bil-fatti, dan huwa gvern li l-politika tiegħu hija imnebħa mil-prinċipji u l-valuri tal-ugwaljanza u mil-ġustizzja soċjali.




