Aktar kawżi deċiżi milli daħlu fl-2025 – tnaqqis ta’ 34% fil-kawżi kriminali pendenti u investiment rekord ta’ €118-il miljun fil-ġustizzja

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-qasam tal-ġustizzja qed jirreġistra progress tant li fl-2025 ġew deċiżi aktar kawżi milli daħlu ġodda. Dan huwa pass importanti li juri li l-effiċjenza f’dan is-settur kibret, fejn iċ-ċifri qed jindikaw titjib kemm fil-qasam ċivili kif ukoll f’dak kriminali, flimkien ma’ tnaqqis fil-kawżi pendenti. Għalkemm għad fadal xi jsir, dawn il-kisbiet huma importanti biex jitnaqqas ix-xogħol li akkumula matul is-snin.

Dan qalu l-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima fil-Parlament meta kien qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Ministeru li tiegħu huwa responsabbli.

Huwa beda biex laqa’ l-allokazzjoni ta’ aktar minn €118-il miljun għal dan il-Ministeru, liema somma tikkostitwixxi investiment rekord f’dan il-portafoll. Spjega li kien hemm żieda kemm f’dik li hija allokazzjoni għall-qasam tal-ġustizzja kif ukoll għal dak tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Sostna li l-għan ewlieni huwa li jingħata s-serħan tal-moħħ lill-pubbliku, billi ċ-ċittadini jkunu jafu li hemm ħidma kontinwa, anke mingħajr daqq ta’ trombi, biex id-drittijiet tagħhom ikunu mħarsa. Dan filwaqt li tkompli titmexxa ’l quddiem id-direzzjoni ta’ aktar aċċessibbiltà għas-servizzi, mingħajr ma jiddgħajfu s-salvagwardji li jiggarantixxu li s-saltna tad-dritt tibqa’ mħarsa dejjem u kullimkien.

Dwar l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, huwa ċaħad l-idea li dan l-uffiċċju qed jiċkien u ddeskriva din l-interpretazzjoni bħala waħda żbaljata u perikoluża, fl-istess waqt li ma tagħtix stampa korretta tal-fatti.

Spjega li llum l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għandu aktar avukati minn qatt qabel, u dan fil-kuntest tar-riformi li saru fis-settur tal-ġustizzja matul l-aħħar snin, fosthom anke bil-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat. Dawn ir-riformi wasslu biex il-funzjonijiet taż-żewġ uffiċċji jkunu separati, b’riżorsi u strutturi aktar b’saħħithom.

Il-Ministru kompla billi esprima l-fiduċja sħiħa tiegħu fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u anke fl-Avukat Ġenerali.

Huwa tenna li għall-qasam tal-ġustizzja biss, l-investiment jammonta għal kważi €82 miljun. Fost l-oqsma li qed jingħataw attenzjoni partikolari hemm il-Qorti tal-Familja, fejn il-bidliet li saru f’dan ir-rigward fl-aħħar ġimgħat bdew jidhru u jinħassu.

Huwa rrefera b’mod partikolari għall-proċess ta’ medjazzjoni, fejn qed jiġu stabbiliti termini definiti dwra kemm għandu jdum il-proċess fl-istadji inizjali fost oħrajn.

Il-Ministru qal li dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda sostna li l-fażi li jmiss tar-riforma għandha tkun waħda kuraġġuża fosthom billi tiġi diskussa l-possibiltà li l-Qorti tal-Familja tingħata wkoll ġurisdizzjoni fuq ċerti aspetti ta’ natura kriminali.

Aktar ħarsien għall-ġurnalisti u s-soċjetà ċivili

Il-Ministru Grima tkellem ukoll dwar il-ħidma leġiżlattiva li qed titħejja biex jissaħħaħ il-ħarsien tal-ġurnalisti u tas-soċjetà ċivili. Qal li saret analiżi tar-rakkomandazzjonijiet u li qed jitħejjew numru ta’ abbozzi ta’ liġi li jindirizzaw diversi aspetti ta’ dan il-ħarsien.

Filwaqt li nnota li pajjiżna kien min ta’ quddiem li għamel it-traspożizzjoni tad-Direttiva Ewropea marbuta mal-Anti-SLAPP, huwa spjega li issa l-għan huwa li dan jiġi applikat fuq livell nazzjonali wkoll.

Tenna jgħid li l-abbozzi se jindirizzaw ukoll il-ħarsien tal-ġurnalisti u l-protezzjoni tas-sorsi tagħhom. Inħares ’il quddiem biex fil-viċin inressqu l-ewwel qari ta’ dawn l-abbozzi ta’ liġi li se juru mill-kliem kapaċi ngħaddu għall-fatti.”

Dwar il-ġudikatura, il-Ministru qal li bħalissa Malta għandha 62 ġudikant, l-akbar numru li qatt kellha. Semma wkoll li hemm maġistrati ddedikati għall-inkjesti maġisterjali, li ngħataw ir-riżorsi meħtieġa biex ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom. Fakkar ukoll fit-titjib fil-kundizzjonijiet tal-ġudikatura u fit-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ġudikatura, bħala parti mill-ħidma biex jissaħħu l-istandards u l-funzjonament tas-settur.

Meta tkellem dwar l-effiċjenza tal-ġustizzja, il-Ministru ppreżenta ċ-ċifri tal-2025. Qal li fit-Tribunali Qrati Ċivili ġew ippreżentati mal-5,700 kawża u ġew deċiżi aktar minn 6,000 kawża.

Fil-qasam kriminali, iċ-ċifri juru titjib sostanzjali. Matul l-istess sena ġew ippreżentati aktar minn 12,000 kawża, iżda ġew deċiżi aktar minn 18,000 kawża. Dan wassal għal tnaqqis ta’ 34% fl-għadd ta’ kawżi kriminali pendenti.

Il-Ministru enfasizza li dawn ir-riżultati ma jfissrux li l-isfidi kollha ġew indirizzati, iżda huma pass importanti biex jonqos ix-xogħol li nġema’ matul is-snin.

Parti oħra mill-investiment hija ddedikata lill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, bil-għan li s-servizzi jsiru dejjem aktar effiċjenti u aċċessibbli. F’dan il-kuntest kompla jiżdied l-investiment kemm fir-riżorsi umani kif ukoll fl-infrastruttura.

Illum l-Aġenzija timpjega 642 persuna u għandha l-appoġġ ta’ 50 Court Attorney u 59 Assistent Ġudizzjarju. Il-Ministru semma wkoll il-fatt li ġie ffirmat ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Aġenzija, li se jibqa’ fis-seħħ sal-2030.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport