Tliet snin ħabs għal mara li ffrodat anzjana ta’ 80 sena b’€15,000 – il-flus intużaw biex jitħallsu d-djun

Aqra wkoll

Mara ta’ 36 sena mill-Marsa ġiet ikkundannata tliet snin ħabs wara li nstabet ħatja li ffrodat anzjana ta’ 80 sena b’€15,000, wara li wegħditha qligħ minn investiment f’negozju tad-deterġenti li qatt ma seħħ.

Tania Borg instabet ħatja ta’ frodi, approprjazzjoni indebita, ksur tal-kundizzjonijiet ta’ żewġ digrieti ta’ ħelsien mill-arrest u reċidiva. Madankollu, il-Qorti lliberatha mill-akkużi marbuta mal-falsifikazzjoni u l-użu ta’ dokumenti foloz.

Il-każ seħħ f’Ottubru tal-2018, meta Borg iltaqgħet ma’ bint il-vittma waqt li t-tnejn kienu l-isptar iżuru membri tal-familja tagħhom.

Waqt konverżazzjoni, il-mara tkellmet dwar id-diffikultajiet finanzjarji li kienet għaddejja minnhom. Borg offriet li tgħinha u ppreżentat ruħha bħala negozjanta involuta fil-bejgħ tad-deterġenti, filwaqt li semmiet opportunitajiet ta’ investiment li setgħu jrendu qligħ ta’ madwar 10%.

Il-mara eventwalment laqqgħet lil Borg ma’ ommha ta’ 80 sena, li ġiet imħeġġa tinvesti flusha fl-istess negozju.

Tliet snin ħabs wara li qarrqet b’anzjana ta’ 80 sena u ħaditilha €15,000

Il-mara kkonvinċiet lill-anzjana tinvesti f’negozju tad-deterġenti, iżda l-flus spiċċaw intużaw biex jitħallsu d-djun tagħha

Borg wegħdet lill-anzjana li kienet se tagħmel qligħ sostanzjali fi żmien qasir, filwaqt li sostniet li kienet taħdem ma’ negozjant fis-settur tad-deterġenti.

L-anzjana eventwalment ħarġet erba’ ċekkijiet li jammontaw għal madwar €15,000, u fuq struzzjonijiet ta’ Borg ħalliet l-ismijiet tal-benefiċjarji vojta.

Minn dawn il-flus, €10,000 kellhom imorru għall-investiment, filwaqt li €5,000 oħra kienu maħsuba għall-benefiċċju ta’ bintha.

Il-flus jintużaw biex jitħallsu d-djun

Hekk kif għadda ż-żmien, l-anzjana bdiet tinduna li la kienet qed tirċievi l-qligħ imwiegħed u lanqas il-flus li kienet investiet.

Hija bdiet tagħmel kuntatt ma’ Borg permezz ta’ telefonati u messaġġi biex titlob il-flus lura, iżda din baqgħet tagħtiha diversi skużi, fosthom li l-flus kienu diġà ngħataw lil persuni oħra biex jiġu investiti.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija, li bdew wara rapport f’Marzu tal-2019, żvelaw li ċ-ċekkijiet kienu ġew imsarrfa jew depożitati minn persuni terzi, u li l-flus intużaw biex jitħallsu djun u obbligi finanzjarji ta’ Borg.

Impjegata tal-Bank of Valletta tat xhieda dwar it-tranżazzjonijiet bankarji, filwaqt li diversi persuni spjegaw kif kienu spiċċaw isarrfu ċ-ċekkijiet f’isem Borg.

Raġel minnhom xehed li kien sarraf ċekk ta’ €5,000 wara li Borg qaltlu li kienet qed issib diffikultà taċċessa flusha. Hija kienet sostniet li ċ-ċekk kien ħlas li kienet irċeviet għal xogħol li għamlet.

L-istess raġel qal li Borg kellha tagħtih madwar €20,000 b’rabta ma’ negozju tad-deterġenti, iżda dawn il-flus qatt ma tħallsu.

Xhud ieħor spjega li kien sarraf żewġ ċekkijiet f’ismu biex jgħin lil Borg, fosthom wieħed ta’ €4,000. Huwa għaddielha l-flus, iżda żamm €1,000 minħabba dejn ferm akbar li hija kellha miegħu.

Il-Qorti semgħet ukoll kif Borg ippruvat twaqqaf lil bint il-vittma milli tirrapporta l-każ lill-Pulizija. Meta din kienet se tagħmel ir-rapport, Borg marret warajha u qaltilha biex ma tkellimx lill-uffiċjali u ma turihomx il-kuntratt.

Negozjant jiċħad li kellu xi ftehim ma’ Borg

Matul il-proċeduri, xehed ukoll in-negozjant li Borg kienet semmiet bħala persuna li magħha kienet qed tagħmel in-negozju.

Huwa ċaħad li qatt iffirma xi kuntratt magħha u qal li lanqas kien jaf lil bint il-vittma.

In-negozjant sostna wkoll li l-firma li kienet tidher fuq id-dokument ma kinitx tiegħu, fatt li aktar tard ġie kkonfermat minn espert tal-kaligrafija.

Minkejja dan, il-Qorti lliberat lil Borg mill-akkużi marbuta mal-falsifikazzjoni.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo spjegat li, għalkemm kien ġie stabbilit li l-firma tan-negozjant kienet iffalsifikata, id-dokument kien skrittura privata u mhux wieħed mit-tipi ta’ dokumenti koperti mill-akkużi li kienu tressqu.

Il-Qorti ma temminx il-verżjoni tal-akkużata

Fix-xhieda tagħha, Borg ammettiet li kienet irċeviet il-flus mingħand l-anzjana, iżda ċaħdet li kellha l-intenzjoni tqarraq biha.

Hija sostniet li dak iż-żmien kienet għaddejja minn problemi personali u finanzjarji, u li kienet użat il-flus f’negozju tad-deterġenti u spejjeż oħra li ma kinux taw ir-riżultati mistennija.

Borg allegat ukoll li kienet irritornat xi ammonti żgħar lill-vittma minn żmien għal żmien.

Madankollu, il-Qorti ma laqgħetx din il-verżjoni u kkonkludiet li Borg kienet taf mill-bidu li l-flus ma kinux se jintużaw għall-investiment imwiegħed.

Il-Maġistrat osservat li l-akkużata kienet ħadet vantaġġ mill-vulnerabbiltà tal-anzjana u kkonvinċietha tgħaddilha flusha permezz ta’ wegħdiet foloz.

Il-Qorti stabbiliet li l-flus kienu ġew imsarrfa permezz ta’ persuni terzi għall-benefiċċju ta’ Borg, u li l-aġir tagħha wassal biex il-vittma ġarrbet telf finanzjarju ta’ aktar minn €5,000.

Barra minn hekk, Borg instabet ħatja li wettqet ir-reati waqt li kienet diġà fuq ħelsien mill-arrest, bi ksur tal-kundizzjonijiet imposti fuqha f’żewġ digrieti separati.

Il-Qorti sabet ukoll li kienet reċidiva.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo kkundannat lil Borg għal tliet snin priġunerija effettiva, filwaqt li ordnat il-konfiska ta’ €1,000 minn depożiti marbuta mal-ħelsien mill-arrest tagħha.

Borg ġiet ordnata wkoll trodd lill-anzjana l-€15,000 li kienet ħaditilha.

L-avukat Noel Bianco deher għal Borg.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport