Fis-26 ta’ Ottubru 2026, Festivals Malta ħabbret il-kanzunetti finalisti tas-seba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika li se ssir f’Marżu tas-sena d-dieħla. B’kollox, intgħażlu sittax-il kanzunetta li se jkunu qed jgħaddu għall-finali tal-festival mingħajr fażi eliminatorja.
Fil-fażijiet preċedenti, l-applikazzjonijiet sottomessi, li b’kollox ammontaw għal 171 sottomissjoni, ġew evalwati minn ġruija esperta fil-preżenza tan-Nutar tal-gvern. Dawn il-kanzunetti ġew ridotti għal ħamsin, u wara għal tletin kanzunetta semifinalista. Dawn it-tletin kanzunetta ġew ippreżentati mill-kantanti permezz ta’ live audition quddiem ġurija separata u fil-preżenza tan-Nutar. Minn hemm, ġew magħżula s-sittax-il kanzunetta finalista.
Il-Bord ta’ Mużika Mużika flimkien mal-managment ta’ Festivals Malta saħqu li sena wara sena Mużika Mużika qiegħed dejjem jisaħħaħ mhux biss fir-reputazzjoni tiegħu bħala festival ewlieni, iżda wkoll fl-importanza tiegħu bħala pjattaforma għall-artist Malti. Il-festival kellu diversi sottomissjonijiet tal-ogħla kwalità u t-tim ta’ Mużika Mużika jixtiequ jirringrazzjaw lil kull min applika biex ikun parti minn dan il-festival. Il-Bord flimkien ma’ Festivals Malta jixtiequ jawguraw lill-finalisti tal-festival u jinsabu ħerqanin biex f’Marzu li ġej jiġu ppreżentati l-kanzunetti tal-artisti parteċipanti fuq il-palk ta’ Mużika Mużika.
It-tim ta’ Mużika Mużika issa se jgħaddi għall-fażi li jmiss tal-preparamenti loġistiċi, li jinkludi l-arranġamenti mużikali, ix-xogħol fuq il-palk, it-tfassil tal-produzzjoni u aktar, bi preparazzjoni għall-festival li se jsir bejn il-11 u t-13 ta’ Marzu 2027.
Il-kanzunetti finalisti huma dawn (f’ordni alfabetika skont l-isem tal-kanzunetta):
| Kanzunetta | Artist | Kompożitur | Awtur |
| Fjamma Nar | Drakard | Philip Vella | Joe Julian Farrugia |
| Għalik | Janvil | Pamela Bezzina | Pamela Bezzina |
| Ġugarell | Marc Alan | Marc Alan Spiteri Stafrace | Marc Alan Spiteri Stafrace |
| Id f’Id | Petra | Paul Giordimaina | Fleur Balzan |
| Il-Ħajja Hi Film | Corazon | Corazon | Corazon |
| Imqar Għal Ftit | SterjoTipi | Mark Micallef Costa | Mark Micallef Costa |
| Int (Għalik)* | Neville Refalo | Ray Agius | Corazon |
| L-Għanja Tas-Skiet | Cliff Zammit Stevens | Pamela Bezzina | Pamela Bezzina |
| Naf | Giada | Glen Vella | Philip Vella |
| Ngħix Għalik (Għalik)* | Fabrizio Faniello | Ray Agius | Emil Calleja Bayliss |
| Qabel Il-Waqt | Daniel Cauchi | Daniel Cauchi | Michael Spagnol |
| Qalb Tad-Deheb | Michela Pace | Cyprian Cassar | Emil Calleja Bayliss |
| Sibna ‘L Xulxin | Karin Duff | Karin Duff | Karin Duff |
| Sinjal | Danica Muscat x Tekzee | Cyprian Cassar | Emil Calleja Bayliss |
| Surreali | Kristy Spiteri | Philip Vella | Joe Julian Farrugia |
| Ta’ Xulxin | Klinsmann | Klinsmann Coleiro | Joe Julian Farrugia |
*Peress li fil-finali hemm aktar minn kanzunetta waħda bit-titlu Għalik, it-titlu ta’ żewġ kanzunetti ġie mibdul mill-kompożituri tagħhom biex l-isem tal-kanzunetta jibqa’ wieħed uniku. Għal din l-istanza biss, qed inżommu l-isem preċedenti ta’ Għalik fil-parentesi ħdejn il-kanzunetti kkonċernati biex jindikaw din il-bidla.
Għal aktar informazzjoni żur www.muzikamuzika.mt
