Monday, October 26, 2026
Home Sport WPA Blackball World Championships: Diversi plejers Maltin javvanzaw għal mal-aħħar tmienja f’Londra

WPA Blackball World Championships: Diversi plejers Maltin javvanzaw għal mal-aħħar tmienja f’Londra

0
54

Miguel Amato fil-kompetizzjoni individwali, tliet koppji fid-Doubles tal-Irġiel u Jake Castaldi flimkien ma’ Dielyn Edwards fil-kategorija U18 kisbu post fil-kwarti tal-finali, f’ġurnata mimlija impenji għall-Maltin fil-WPA Blackball World Championships 2026 f’Londra. Fl-istess waqt, it-tim nazzjonali ta’ taħt it-18-il sena kompla jispikka b’żewġ rebħiet oħra fuq l-Indja u l-Irlanda.

Miguel Amato għadda mal-aħħar tmienja tas-Singles tal-Irġiel wara li għeleb lill-Marokkin Bouchaib Farhat 6-3. Min-naħa tiegħu, Johan Attard ra l-mixja tiegħu f’din il-kompetizzjoni tintemm fl-aħħar 16, meta tilef 6-3 kontra l-Ingliż Clint I’Anson.

Fil-kompetizzjoni individwali ta’ taħt it-23 sena, kien hemm konfront bejn żewġ Maltin, b’Chaylon Castaldi jegħleb lil Matthias Debono 5-1 biex għadda għall-kwarti tal-finali. Fl-istess waqt, Casdy Vella tilef 5-0 kontra Leonardo Moreira ta’ Franza.

Id-Doubles tal-Irġiel ġabu aktar aħbarijiet tajbin għal Malta. Miguel Mizzi u Clevion Micallef għelbu lil Gareth Hibbott u Clint I’Anson tal-Ingilterra 4-3, filwaqt li Clint Azzopardi u Miguel Amato kisbu rebħa ta’ 4-1 fuq l-Irlandiżi G. Mooney u B. Fitzpatrick.

Johan Attard u Clayton Castaldi wkoll ibbukkjaw post mal-aħħar tmienja b’rebħa ta’ 4-2 kontra D. Naidoo u F. Cassim tal-Afrika t’Isfel. Keith Caruana u Gabriel Vella kienu viċin li jagħmluha erba’ koppji Maltin fil-kwarti tal-finali, iżda tilfu 4-3 kontra K. Ballon u Y. Beaufils ta’ Franza.

Fil-kategorija U18, Jake Castaldi u Dielyn Edwards għelbu lill-Indjani K. Gokul Seshadri u M. Mustafa 4-1 biex ukoll għaddew għall-kwarti tal-finali. Fid-Doubles U23, Casdy Vella u Denzel Falzon tilfu 4-1 kontra K. Hayward u J. Govindasamy tal-Afrika t’Isfel.

Sadanittant, fil-kompetizzjoni tat-timijiet, it-tim Malti ta’ taħt it-18-il sena kellu ġurnata mill-aqwa hekk kif għelbu lill-Indja U18 14-1 u lill-Irlanda U15 9-6. It-tim nazzjonali ta’ taħt it-23 sena , min-naħa tagħha, tilef 10-5 kontra Franza U23.

Programm impenjattiv għall-Maltin illum

Sadanittant, illum it-Tnejn 26 ta’ Ottubru, Malta għandha programm ieħor impenjattiv kemm fil-kompetizzjonijiet tat-timijiet kif ukoll fil-fażijiet eliminatorji tas-Singles u d-Doubles.

Fl-10.00am ħin ta’ Londra, it-tim ta’ taħt it-23 sena jilgħab kontra l-Afrika t’Isfel, filwaqt li fl-istess ħin it-tim A tal-irġiel jiltaqa’ wkoll mal-Afrika t’Isfel.

F’12.30pm, it-tim B tal-irġiel ikollu konfront kontra l-Ingilterra, filwaqt li fit-3.00pm it-tim A tal-irġiel jerġa’ jkun fl-azzjoni kontra Franza. Fl-istess ħin, it-tim ta’ taħt it-18-il sena jilgħab kontra l-Ingilterra U18.

L-attenzjoni mbagħad iddur fuq il-kwarti tal-finali tad-Doubles. Fil-5.30pm, se jkun hemm konfront kollu Malti bejn Johan Attard u Clayton Castaldi u Miguel Mizzi u Clevion Micallef. Fl-istess ħin, Clint Azzopardi u Miguel Amato jaffrontaw lill-Franċiżi K. Ballon u Y. Beaufils.

Fid-Doubles U23, Chaylon Castaldi u Matthias Debono jiltaqgħu mal-Afrika t’Isfel, filwaqt li fid-Doubles U18 Jake Castaldi u Dielyn Edwards jaffrontaw lill-Awstraljani E. Nagati u P. Roberts.

Il-ġurnata tintemm b’aktar kwarti tal-finali fis-Singles fis-7.00pm. Miguel Amato jiltaqa’ mal-Ingliż Gareth Hibbott fis-Singles tal-Irġiel, Chaylon Castaldi jaffronta lill-Ingliż Rhys Woodward fl-U23, filwaqt li Denzel Falzon jilgħab kontra Theolandre Joubert tal-Afrika t’Isfel fil-kwarti tal-finali tal-U18 Singles.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here