Wednesday, July 24, 2024

16-il proġett bi tnaqqis t’emissjonijiet ekwivalenti għal madwar 217-il vettura fis-sena

Malta Enterprise se testendi l-iskema Smart and Sustainable Investment Grant fl-2024

Aqra wkoll

Negozji Maltin li qed jinvestu f’teknoloġiji u operat aktar sostenibbli bl-għajnuna ta’ Smart and Sustainable Investment Grant ta’ Malta Enterprise qed inaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju tagħhom b’1,000 tunnellata fis-sena.

Dan it-tnaqqis huwa ekwivalenti għall-emissjonijiet ta’ madwar 217-il vettura fis-sena. 

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ħabbret ir-riżultati ta’ din l-inizzjattiva ambjentali waqt żjara fil-lukanda db Seabank. Din il-lukanda hija waħda minn għadd ta’ intrapriżi li bbenefikaw minn din l-iskema biex investiet f’sistema aktar effiċjenti ta’ reverse osmosis biex taqleb l-ilma baħar f’ilma tax-xorb. B’hekk żiedet l-effiċjenza fl-enerġija bi 22%, naqqset il-konsum tal-ilma b’78% u naqqset ukoll l-emissjonijiet tal-karbonju b’10 tunnellati. Investiet ukoll f’sistema ta’ heat pump biex issaħħan l-ilma. 

Il-Ministru Dalli spjegat li permezz tal-iskema Smart and Sustainable, Malta Enterprise diġà appoġġjat 16-il proġett ambjentali mis-settur privat, filwaqt li tinsab fil-proċess biex tgħin ħafna oħrajn, hekk kif aktar negozji qed ikomplu jersqu lejn it-tranżizzjoni ambjentali. 

L-iskema Smart and Sustainable Investment Grant, li se tibqa’ miftuħa anke matul is-sena 2024, diġà investiet €1 miljun fl-intrapriżi lokali. L-għan tal-iskema hu li toffri għajnuna finanzjarja lin-negozji sabiex jagħmlu l-operat kummerċjali tagħhom aktar sostenibbli.

“Il-Gvern huwa kommess li jkomplu jappoġġja l-intrapriżi biex itejbu s-sostenibilità u l-effiċjenza tal-operat tagħhom. Billi ninkoraġġixxu u ngħinu lill-intrapriżi lejn din it-tranżizzjoni ambjentali, qed ngħinuhom jiżguraw il-viabilità tagħhom fil-futur, filwaqt li jikkontribwixxu għall-viżjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli u dekarbonizzata f’Malta. L-effiċjenza fl-enerġija, it-tnaqqis tal-iskart, l-operat sostenibbli u arja aktar nadifa huma fatturi kruċjali għal negozji serji li huma impenjati biex jiżguraw il-futur tal-operat tagħhom waqt li jipproteġu l-komunitajiet tagħhom,” qalet Miriam Dalli.

Il-Ministru rreferiet ukoll għall-konklużjonijiet tal-konferenza dinjija COP28, fejn intlaħaq ftehim storiku mill-pajjiżi biex jibdew it-tranżizzjoni lejn it-tnaqqis tal-karburanti fossili. Saħqet fuq l-importanza ta’ dan l-impenn internazzjonali u ħeġġet aktar intrapriżi biex jinvestu f’operat sostenibbli. Assigurat li l-Gvern se jkompli jipprovdi l-appoġġ biex tintlaħaq din il-mira. Fil-fatt, fl-2024, il-Gvern se jirdoppja l-fondi lil Malta Enterprise għal skemi u inizzjattivi oħrajn t’għajnuna lin-negozji sabiex itejbu l-effiċjenza, l-kwalità, l-kompetittività u s-sostenibilità.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega li Malta Enterprise minn dejjem ħadmet biex tgħin lin-negozji b’kull mod possibbli. “Fid-diskussjonijiet kontinwi tagħna man-negozji, rajna li kien hemm tħassib dwar kif jistgħu jintlaħqu l-miri tas-sostenibilità. Għalhekk qed noffru l-għajnuna f’dan il-qasam ukoll. Irridu lin-negozji tagħna jkunu minn ta’ quddiem fis-sostenibilità u l-prattiċi innovattivi. Qed nieħdu gost naraw kif din l-għajnuna qed tnaqqas l-emissjonijiet u se nkomplu niżguraw li n-negozji tagħna jibqgħu jirnexxu fit-tranżizzjoni ambjentali,” spjega Kurt Farrugia. 

Robert Debono, CEO ta’ db Group, tkellem kif dawn l-aħħar snin investew f’inizjattivi biex mhux biss inaqqsu l-ispejjeż iżda biex inaqqsu l-emmissjonijiet tal-karbonju, bħan l-installazzjonijiet ġodda tal-Building Management System u Room Management System. “Aħna investejna f’reverse osmosis b’kapaċita doppja kkumparata mas-sistema l-antika. Iż-żewġ heat pumps il-ġodda se jieħdu post iċ-chiller l-antik. B’hekk se jkollna sistema aktar effiċjenti ta’ kif jisħnu u jkesħu l-kmamar. Dan kollu b’investiment ta’ €300,000,” qal Robert Debono. 

Għal iżjed tagħrif dwar Smart and Sustainable Investment Grant, żur maltaenterprise.com.

Ekonomija

Sport