Kien nhar is-16 ta’ Settembru ta’ 162 sena ilu meta il-Papa Piju IX, illum Beatu, bil-Bulla Singulari Amore waqqaf lil Għawdex u Kemmuna bħala Djoċesi awtonoma minn Malta.
Fuq il-midja soċjali, id-Djoċesi ta’ Għawdex fakkret dan l-anniversarju fejn kitbet “bosta kienu l-ġrajjiet li seħħu matul dawn is-snin kollha fil-Knisja f’Għawdex, bosta sbieħ u oħrajn kiebja. Tulhom daqet il-grazzja ta’ Alla li taħdem aktar u aktar fiċ-ċkejken, u ġiet ukoll wiċċ imb wiċċ mad-dgħufijiet umani li ma jonqsux lanqas fost il-membri tal-poplu ta’ Alla.”
“Illum irroddu ħajr lil Alla tal-ġid li għoġbu jsawwab fuq gżiritna maħbuba permezz tad-Djoċesi u l-istrutturi tagħha, speċjalment il-15-il komunità parrokkjali li jsawruha,” inkiteb fuq il-mezzi soċjali tad-Djoċesi ta’ Għawdex.
