Sunday, December 22, 2024

168.5 kilogrammi ta’ skart miġbura f’temp ta’ sagħtejn

Volontarji f'San Pawl il-Baħar jisħqu li għad hemm ħafna xogħol ta’ tindif xi jsir

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Minkejja s-sħana li qiegħda tagħmel f’dawn il-ġranet, Grupp ta’ 10 volontiera xammru l-kmiem biex inaddfu żona ta’ San Pawl il-Baħar. F’temp qasir ta’ sagħtejn il-grupp “No to Litter in St Paul’s Bay” b’kollaborazzjoni ma’ “Din l-Art Ħelwa Mellieħa” minn akwata żgħira fil-Qawra ġabru xejn inqas minn 168.5 kilogrammi ta’ skart mormi b’mod irresponsabbli minn dawk li m’għandhomx għal qalbhom is-sbuħija u l-indafa ta’ din il-lokalità. 

Din l-inizjattiva komunitarja hija tant bżonnjuża b’mod speċjali fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra. Dan minħabba li għal dawn l-aħħar snin din iż-żona kienet u għadha mifnija bi skart mitluq kullimkien. Din il-problema hija ta’ sfida kbira u hemm bżonn ta’ azzjoni konkreta u immedjata. Għaldaqstant, li tara grupp ta’ persuni li minn jeddhom imorru biex inaddfu l-inħawi, żgur li huwa ta’ pjaċir u ta’ rodd il-ħajr lil dawk kollha li kkontribwew.

“Sfortunatament hawn skart kullimkien”

Talk.mt tkellem dwar din l-attività ambjentali ma’ Albert Attard li jieħu ħsieb il-grupp tal-Mellieħa fejn qalilna li b’kollaborazzjoni bejn iż-żewġ gruppi, flimkien mal-għajnuna tal-Viċi Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, Carlos Zarb, qegħdin jippruvaw iżommu dawn l-inħawi nodfa kemm jista’ jkun. 

“Illum ġbarna dan l-ammont kollu f’żona żgħira ħafna u f’ħin qasir. Għad hemm ħafna xogħol xi jsir. Biex innadfu parkeġġ f’din iż-żona qegħdin nikkalkulaw li hemm xogħol tripplu. Sfortunatament hawn skart kullimkien,” ħabbar Attard.

Mistoqsi dwar kif tittella’ attività bħal din huwa qalilna li l-gruppi joħorġu sejħa fil-paġni online li għandhom bit-tama li jingħaqdu kemm jista’ jkun nies magħhom fil-jum u l-post ippjanat għat-tindif. Din kienet ir-raba’ darba li sar ġbir ta’ skart miż-żoni ta’ San Pawl il-Baħar, Bugibba, il-Qawra u x-Xemxija bl-akbar waħda li qatt saret kien madwar tliet xhur ilu fi Triq ir-Ruman. F’din l-attività kienu ingħaqdu l-membri tal-Iscouts bil-għan li jinġabar kemm jista’ jkun skart.

Problema kbira ta’ skart tal-kostruzzjoni

L-aktar tip ta’ skart li qegħdin isibu huwa dak tal-kostruzzjoni tant li Attard jistqarr li din hija “problema kbira” u qiegħda sseħħ biex jeħilsu minnu malajr. Min-naħa tiegħu huwa jħoss li, “hemm bżonn li nsibu xi tip ta’ soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni xejn ideali. Barra skart tal-kostruzzjoni nsibu mormi ħafna plastik, fliexken u bottijiet. Illum sibna ħafna… Meta tħares, tara biss l-iskart fil-wiċċ iżda meta tibda tfittex per eżempju fl-għelieqi, fil-ħamrija jew fit-terrapin, ikun hemm ħafna skart taħt. Timxi u ssib ħafna aktar.”

Wara li ġabru dan l-iskart kollu, dan il-grupp ta’ volontiera ġabruh f’post mifthiem mal-Kunsill Lokali fejn dan tal-aħħar imbagħad jikkordina bħas-soltu mal-kuntrattur biex jiġbru. Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-Mellieħa, Attard infumana li bħala grupp huma jaħdmu mal-Clean Malta li jagħtuhom sostenn kbir.

“Qegħdin nagħmlu l-inħawi tiegħek… ejja għinna”

Dawn iż-żewġ gruppi appellaw lill-pubbliku biex kull darba li javżaw li se jkunu sejrin inadfu, jingħaqdu magħhom in-nies tal-inħawi ħalli jgħinu huma wkoll. Din l-informazzjoni tista’ tinstab mis-siti msemmija hawn fuq. Fil-messaġġ tiegħu huwa qal li, “lir-residenti ngħidilhom li meta nkunu qegħdin nagħmlu l-inħawi tagħhom, jekk jogħġobkom ejjew għinuna. Dan huwa l-ispirtu tal-komunità”. 

Mentri lill-Gvern qegħdin jitolbuh jara l-proposti li qegħdin isiru mill-gruppi kollha ta’ tindif tal-lokalitajiet fejn sar grupp chat apposta biex kulħadd jagħti l-opinjoni tiegħu ta’ x’jista’ jsir biex jonqos l-iskart imwarrab barra fit-toroq, fil-kampanja, fl-għelieqi, fil-bajjiet u fil-baħar. Fil-fatt, dawn qegħdin jittamaw li ssir laqgħa mal-Ministru responsabbli fir-rigward. “Minkejja li aħna volontiera, għandna ħafna esperjenza u għaldaqstant nistgħu fil-fatt nagħtu proposti dwar x’jista’ effettivament isir ħalli jonqos l-iskart mitluq fil-lokalitajiet”. 

Huwa qal li bħala gruppi għandhom diversi proposti li jikkonċernaw iż-żoni rurali li fihom hemm problema ta’ skart tal-plastik, kif ukoll skart fil-baħar. Huma li jnaddfu l-bajjiet u anke l-qiegħ tal-baħar permezz ta’ għaddasa li jinżlu apposta biex inaddfu, stqarr li jinsabu mħassbin serjament. Dan minħabba li qegħdin isibu ħafna polistirene fil-baħar, materjal perikoluż għall-ħut li qiegħed jidħol ħafna minnu fil-bajjiet. 

“Dan il-materjal huwa agħar mill-plastik għax jitfarrak u jsir blalen żgħar… Il-ħut jieklu mill-ewwel. Hemm bżonn ta’ azzjoni konkreta u immedjata fir-rigward,” temm bi twissija Albert Attard.

Sadanittant, il-Viċi Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Carlos Zarb, qal li huwa kburi ħafna b’dan il-grupp ta’ volontiera li “dejjem lesti biex jgħinu u joffru daqqa t’id”. Min-naħa tiegħu b’dispjaċir jinnota nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet fejn jidħol l-ambjent u staqsa meta se titjieb din is-sitwazzjoni.

IN TEXT QUOTE BREAK:

“Hemm bżonn li nsibu xi tip ta’ soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni xejn ideali. Barra skart tal-kostruzzjoni nsibu mormi ħafna plastik, fliexken u bottijiet”

Ekonomija

Sport