Iż-żewġ persuni li qed jiskontaw piena ta’ 40 sena ħabs kull wieħed b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-aħwa Alfred u George Degorgio, ippreżentaw protest ġudizzjarju fejn qalu li qed jesperjenzaw trattament “inuman u diskrimatorju” fil-ħabs. Fosthom, semmew li qed jiġu mċaħħda minn drittijiet li qed igawdu minnhom il-ħabsin l-oħra.
Alfred Degorgio fisser li ġiet miċħuda t-talba tiegħu sabiex iżur lil ħuh li bħalissa jinsab ma jistax joħroġ mid-dar minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Huwa sostna li min-naħa l-oħra, il-kumplament tal-priġunieri ngħataw permess biex iżuru lill-familjari tagħhom li jinsabu morda u anki tħallew jattendu avvenimenti familjari minn tal-inqas darbtejn fis-sena. Ingħad ukoll li l-aħwa Degiorgio ma ngħataw l-ebda spjegazzjoni li tiġġustifika dan l-aġir min-naħa tal-awtoritajiet ta’ Kordin.
L-aħwa Degorgio protestaw ukoll dwar il-fatt li fid-diviżjoni attwali fejn qed jinżammu, Division 5, m’hemmx “il-privileġġi” li huma disponibbli f’diviżjonijiet oħra tal-ħabs, fosthom id-dritt li jagħtu sehemhom fix-xogħol u d-dritt li jżuru l-librerija.
Intant, it-talba tal-aħwa hija li Alfred jingħata d-dritt li jżur lil ħuh u li jibda jiġi eżerċitat id-dritt li jkollhom il-prison leave bħalma għandhom il-priġunieri l-oħra, filwaqt li esprimew ix-xewqa tagħhom sabiex jitneħħew minn Division 5 u li jekk dan mhux possibbli tal-inqas jingħataw l-istess privileġġi li qed igawdu minnhom il-priġunieri l-oħra.
Il-protest ġudizzjarju ġie ffirmat mill-avukati Leslie Cuschieri u Noel Bianco, li qed jidhru għaż-żewġt aħwa.