Friday, November 15, 2024

18-il sena ħabs fuq serq li ħalla 14-il vittma

Aqra wkoll

F’sentenza li tat l-Erbgħa, il-Qorti tal-Maġistrati ddikjarat li raġel li ammetta l-akkużi dwar sensiela ta’ serq m’għandux postu fis-soċjetà, għaliex huwa dritt tas-soċjetà li tipproteġi lilha nfisha minn nies bla skruplu bħalu li m’għandhomx limiti sa fejn kapaċi jaslu fit-twettiq tar-reati tagħhom.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li ppresediet il-kawżi kontra Daniele Aquilina ta’ 29 sena, ikkundannatu għal 18-il sena u xahrejn ħabs fuq żewġ każi seperati li bejniethom ħallew 14-il vittma, inkluż żewġ anzjani u saħansitra lil oħt l-imputat stess. 

Aquilina kien mixli b’diversi serqiet li seħħew f’Ta’ Xbiex u San Ġiljan, bejn it-30 ta’ Settembru u t-3 ta’ Ottubru 2020, u bejn it-3 u l-4 ta’ Marzu 2021. Huwa kien mixli wkoll li kkaġuna ġrieħi fuq persuni oħra, li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li sar reċediv. 

Fil-Qorti ħareġ li kien hemm persuni li sfaw misruqa mill-imputat waqt li kienu mixjin għall-affari tagħhom u anke seħħ serq minn residenzi fost oħrajn. Intqal ukoll li f’dawn is-serqiet intużat sikkina, bil-Pulizija jirnexxielha tasal għas-suspettat wara li analizzat diversi filmati tas-CCTVs. 

Anzjan Ingliż ta’ 62 sena kien xehed kif waqt li kien miexi ma’ martu fi Triq Abate Rigord, ħass lil xi ħadd jimbuttah minn wara u malli dar biex jara x’ġara, ra raġel iħares lejh li kien qed jipprva jieħu l-handbag ta’ martu. 

L-anzjan qal fil-mument tal-aggressjoni, martu waqgħet mal-art u sofriet xi ġrieħi. Qal ukoll li mbagħad huma ġew fl-idejn u kien hawn fejn qabad u tefa’ xi flus mal-art, madwar €95, biex jipprova jeħles minnu. L-allegat aggressur ġabar il-flus u telaq minn fuq il-post. Il-koppja kienet għarfet lill-imputat fl-awla bħala l-persuna li kien aggrediehom. 

Daniele Aquilina wieġeb ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontra tiegħu. Il-Qorti qieset li r-reati fil-konfront tiegħu kienu serjissimi u numerużi, il-fedina penali voluminuża u mżewqa tiegħu, u ċ-ċirkostanzi tal-każ mhux inqas tal-effett li għemilu ħalla fuq xejn inqas minn 14-il vittma.

Il-Qorti qalet li għalkemm Aquilina ngħata bosta opportunitajiet fil-passat, huwa ġie jaqa’ u jqum mis-soċjetà u mill-membri tagħha. “In-nies Aquilina jarrahom biss bħala priża, oġġetti li jista’ jaħkimhom biex jagħmel gwadann a spejjeż tagħhom u tal-inkoluminità tagħhom.”

Osservat ukoll li minkejja l-ammissjoni tiegħu, l-imputat lanqas wera l-iċken rimors għal għemilu jew jipprova jiskuża ruħu. Fl-isfond ta’ dan kollu, Aquilina ġie kkundannat għal 18-il sena u xahrejn priġunerija komplessivament. 

Il-Qorti ordnat ukoll li l-ammont ta’ €26,200 garanzija biex jaderixxi mal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest jiġu kkonfiskati favur il-Gvern ta’ Malta. 

Finalment, ħarġet ordni ta’ trażżin kontra Aquilina u favur il-vittmi filwaqt li poġġietu taħt ordni ta’ trattament għal żmien tliet snin sabiex jingħata l-għajnuna meħtieġa sabiex jegħleb il-vizzju tad-droga.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Colin Sheldon. 

Ekonomija

Sport