Sunday, December 22, 2024

18,700 każ u 500 mewta bil-Monkeypox

Aqra wkoll

Wara ftit żmien li ħelset mill-gravità tal-pandemija tal-Covid 19, id-dinja qed tiffaċċja epidemija oħra din id-darba magħrufa bħala Monkeypox. Sa issa diġà infettat għexieren ta’ eluf persuni u qatlet mijiet oħra. U t-twissija diġà inkitbet fuq il-ħajt. Jekk mhux se tintwera solidarjetà mal-pajjiżi Afrikani fil-qalba tat-tifqigħa tal-mpox id-dinja se titpoġġa f’riskju li jagħmel ħsara fil-preparamenti għal pandemiji futuri. 

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) nhar l-Erbgħa ddikjarat emerġenza tas-saħħa pubblika internazzjonali quddiem il-każijiet li qed jiżdiedu u li qed jinfirxu wkoll lil hinn mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (DRC), fejn il-virus huwa endemiku.

Aktar minn 18,700 każ u aktar minn 500 mewt ġew irrappurtati s’issa din is-sena fl-Afrika, diġà ogħla mill-2023 kollha. Iċ-Ċentri Afrikani għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard (CDC) iddikjaraw emerġenza tas-saħħa pubblika kontinentali.

Dr Ebere Okereke, ‘Associate Fellow’ fil-programm tas-saħħa globali f’Chatham House, wissiet li l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ reazzjoni robusta għal dawn id-dikjarazzjonijiet jistgħu jkunu severi, u potenzjalment iwasslu għal tixrid akbar ta’ varjanti ġodda u aktar perikolużi. Ir-riskju ta’ nuqqas ta’ azzjoni issa mhuwiex biss riskju għall-Afrika, iżda għall-bqija tad-dinja.

Iż-żewġ dikjarazzjonijiet jipprovdu opportunità biex jiġi ttestjat r-rispons globali għall-emerġenzi tas-saħħa fl-era ta wara l-pandemija l-Covid-19. 

Ir-rispons għall-pandemija tal-Covid għamel ħsara lir-relazzjonijiet fost pajjiżi aktar sinjuri u fqar. Ir-riżorsi inklużi l-vaċċini, it-testijiet u l-PPE ħadu ħafna aktar żmien biex jilħqu pajjiżi li qed jiżviluppaw milli għamlu lill-pajjiżi aktar sinjuri.

In-negozjati dwar ftehim pandemiku ppjanat li jirregola kif id-dinja għandha tirrispondi għal tifqigħat ta’ mard maġġuri naqsu milli jilħqu skadenza għal ftehim din is-sena fl-Assemblea Dinjija tas-Saħħa f’Ġnevra.

Rapporti jsemmu kif il-kwistjoni tal-ekwità wriet li hija punt ta’ tfixkil ewlieni – inkluż kif il-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jkunu garantiti aċċess għal mediċina u trattament bi tpattija għall-isforzi tagħhom li jaqbdu l-informazzjoni dwar il-patoġeni li jiċċirkolaw fit-territorji tagħhom.

Dr Okereke qalet li kif il-komunità globali twieġeb għad-dikjarazzjonijiet se jkun it-test kruċjali għall-effettività potenzjali ta’ trattat pandemiku futur.

Nick Dearden, id-direttur tal-Global Justice Now, qal li l-Mpox ilu snin endemiku f’numru żgħir ta’ pajjiżi Afrikani. Madankollu minkejja li kien hemm il-mediċini biex jikkurah, ma ttieħdet l-ebda azzjoni serja sakemm it-tifqigħa kienet ta’ theddida għall-punent.

Dearden qal li l-korporazzjonijiet farmaċewtiċi kienu qed ikomplu jimpedixxu l-aċċess ekwu għall-vaċċini biex ifittxu profitt ogħla u sejjaħ lill-pajjiżi sinjuri, inkluż ir-Renju Unit, biex jiġġieldu lill-”big pharma” u jsostnu miżuri fin-negozjati tat-trattat pandemiku li jwaqqfu dan. 

L-Istati Uniti qalet li se tagħti 50,000 doża tal-vaċċin Jynneos kontra l-mpox lir-repubblika tal-Kongo. Iżda għat-tul, il-mexxejja tas-saħħa fl-Afrika qalu li se tkun meħtieġa katina tal-provvista sostenibbli, inkluża l-manifattura fil-kontinent.

Ekonomija

Sport