Saturday, December 21, 2024

19-il xahar ħabs wara li ammetta li seraq sellum biex jixtri d-droga

Aqra wkoll

Michael Spiteri ta’ 38 sena, residenti Ħaż-Żabbar ġie kkundannat 19-il xahar ħabs wara li nstab ħati li f’Ottubru li għadda seraq sellum mill-lokalità tiegħu stess.

Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana li s-sellum insteraq fit-30 ta’ Ottubru bejn it-3.00am u s-6.00am fi Triq Giuseppe Micallef. Is-sellum kien marbut mas-saqaf tal-vann.

Il-Pulizija raw diversi filmati li hemm fl-inħawi fejn deher il-vann ipparkjat quddiem id-dar tal-vittma. Spiteri li kien miexi ma’ persuna oħra ra s-sellum u ħadu.

Hu ġie akkużat ukoll u anke nstab ħati li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà provviżorja u li hu reċidiv.

Spiteri ammetta mill-ewwel l-akkużi kontrih, fejn qal li seraq is-sellum biex ikun jista’ jixtri d-droga.

Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska ta’ €50 mill-garanzija personali imposta fuq l-akkużat, poġġiet lil Spiteri taħt ordni ta’ trattament għal sentejn biex jegħleb il-vizzju tad-droga u ordnatlu jħallas lill-vittma €185 tas-sellum.

Ekonomija

Sport