Tuesday, December 10, 2024

Jgħid li pprattika ‘ir-rent sharing’ biex inaqqas il-kirja… spiċċa b’kont ta’ €18,000

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hu fatt li barra pajjiżna ilu issa għal ammont ta’ snin jeżisti dak li jissejjaħ ‘rent sharing’, jiġifieri persuna li ddaħħal persuna oħra tgħix f’darha jew grupp ta’ persuni jikru appartament bejniethom u dan biex jiffrankaw mill-kirja u mill-kontijiet. Dan il-fenomenu qiegħed bil-mod il-mod jidħol ukoll f’pajjiżna u dan minħabba li persuni waħidhom isibuha iebsa jħallsu kirja ta’ appartament waħidhom.

Fit-teorija, li wieħed jaqsam akkomodazzjoni ma’ ħaddieħor, tista’ verament tgħin biex tnaqqas l-ispejjeż u anke l-ispiża tal-kontijiet tinqasam. Dan iżda ma jgħoddx għal kulħadd u li wieħed japplika dan il-kunċett f’Malta, għandu jara li jkun jaf sew ir-regolamenti b’mod partikolari jekk dak li jkun pensjonanti jew fuq il-benefiċċji.

Pensjonant, li kien jgħix barra pajjiżna u ddeċieda li japplika ‘rent sharing’ minħabba li l-pensjoni li Kelly kienen inwas minn €600 fix-xahar, wasslitu biex weħel kont ta’ €18,000 f’radd ta’ pensjoni lura.

Il-pensjonant minkejja li lmenta dwar dan u enfasizza li il-Kap. 318 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali ma jeskludix ‘rent sharing’ ma’ persuni oħra, u ma jiskwalifikatx milli tirċievi l-pensjoni tal-età. Il-pensjonant iddikjara li ‘r-rent sharing’ hu fenomenu ġdid fis-soċjetà Maltija li qiegħed jiġi aċċettat mill-awtoritajiet Maltin. Iddikjara li l-Kap. 318 lanqas ma jiddefinixxi xi jfisser ‘persuna weħidha’, u qal li persuna tgħix weħidha għax m’għandha rabta ma’ ħadd.

Il-pensjonant irċieva ittra f’daru, iffirmata mid- Direttur Ġenerali u ġie infurmat li hu tħallas żejjed is-somma ta’ €18,598.44 f’pensjoni tal-età li rċieva mingħand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għall-perjodu bejn l-4 ta’ Frar tas-sena 2017 sat-3 ta’ Jannar tas-sena 2020. Qal li dan ġie stabbilit għax nstab li hu kien qed jgħix mas-sieħba tiegħu li taħdem. Il-pensjonant ġie infurmat ukoll li dan il-ħlas żejjed li sar lilu, ser jitnaqqas bir-rata ta’ 10 fil-mija mill-Pensjoni tal-Età jew minn kull ħlas ieħor li huwa jista’ qiegħed jirċievi mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Immedjatament il-pensjonant wieġeb billi ċaħad li huwa jgħix mas-sieħba tiegħu, u qal li huwa mhux dipendenti fuq persuna jew persuni oħra finanzjarjament, u għalhekk talab lid-Direttur Ġenerali jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu.

Jirriżulta li l-Pensjoni ġiet imwaqqfa wara li ħaddiema soċjali tad-Dipartiment tas- Sigurtà Soċjali għamlet rapport għal spezzjoni fid-dar tal-pensjonant, fejn irriżulta li flimkien miegħu kien hemm tgħix persuna barranija. Dan wassal biex id-Direttur Ġenerali ma kienx sodisfatt li l-pensjonant qed jgħix waħdu.

Dan il-każ hu bbażat fuq spezzjoni li kien saret minn ħaddiema soċjali, li mir-rapport li għamlet qalet li kienet marret tagħmel żjara fid-dar u l-pensjonant kien qalilha li huwa ltaqa’ mal-persunai barranija barra minn Malta u hi anki kienet ġiet Malta. Huwa kien indika li kien jgħix fl-istess appartament magħha. Kompla jgħid li huma kienu jaqsmu l-kirja tal- appartament kif ukoll il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Mill-istess spezzjoni li saret fil-fond in kwistjoni kien hemm kamra waħda tas-sodda li kienet qiegħda tintuża kemm mill-pensjonant kif ukoll mill-istess persuna barranija. Skont l-istess rapport kien hemm ħwejjeġ oħra f’din il-kamra li kienu jappartjenu kemm għal pensjonant kif ukoll tal-persuna l-oħra. Waqt li l-kmamar l-oħra kienu qegħdin jintużaw għal skop ieħor. Qalet li l-appellant kien ilu jgħix magħha għal dawn l-aħħar seba’ snin u dan wara li kien iltaqa’ magħha meta kien jgħix barra minn Malta. Qalet li hu ma kellux relazzjoni intima magħha u kienu jaqsmu xi kontijiet ta’ bejniethom. Qalet li qagħdet fuq dak li qal il-pensjonant u spjegat li fetħet l-unika kamra fejn kienet il-kamra tas-sodda fejn sabet il-ħwejjeġ li kellha hi kif ukoll tiegħu. Hija kkonfermat li t-tip ta’ relazzjoni ta’ bejniethom kienet waħda platonika u mhux intima.

Il-pensjonant min-naħa tiegħu kif inhi mqassma d-dar u kif il-kmamar tas-sodda qegħdin jintużaw. Qal li l-persuna barranija kienet ġewwa l-kamra tagħha meta ġiet il-ħaddiema soċjali u insista li kulħadd għandu l-kamra tiegħu u mhux kif tat l-impressjoni l-ħaddiema soċjali. Qal li l-barranija kienet ġiet Malta biex titgħallem l-Ingliż u kien qalilha biex tgħix fl-istess appartament. Qal li dak iż-żmien hija kellha tliet relazzjonijiet u fl-aħħar ġiet tgħix miegħu. Spjega li kienet iżżomm il-ħwejjeġ tagħha ma’ tiegħu għax ma kellhiex fejn tpoġġihom u fil-fatt kien wara li poġġew gwardarobba oħra sabiex tkun tista’ tpoġġi l-ħwejjeġ.

Hu kien spiċċa iffirma dokument u qal li meta firma ma kienx jaf eżatt x’qiegħed jiġri għax huwa kien bil-kalmanti u nofsu rieqed. Il-każ spiċċa quddiem l-arbitru fejn hemmhekk il-ħaddiema soċjali qalet li l-pensjonant kien iffirma dokument fejn qal li kellu relazzjoni mal-istess persuna barranija.

Il-pensjonant itenni li billi għamel żmien jgħix barra minn Malta, huwa ma kienx intitolat għall-pensjoni tal-irtirar, iżda kien intitolat għall-pensjoni tal-età billi ma kienx jeċċedi t-test tal-mezzi bil-limitu ta’ €14,000, u billi huwa persuna li jgħix waħdu. Wara li saret l-ispezzjoni, id-Direttur Ġenerali appellat infurmah fl-20 ta’ Jannar, 2021, li huwa kien irċieva ħlas żejjed, u li kien ser ikun imġiegħel jirrifondi l-ħlas żejjed li sar.

Qal li huwa m’għandu ebda dħul ieħor ħlief il-pensjoni tal-età. Spiega li l-pensjoni tiegħu tammonta għal €528 fix-xahar, li huwa l-istess ammont li huwa jħallas f’kera. Qal li huwa diġà għandu diffikultà biex jgħaddi b’dak li jifdallu wara li jħallas il-kera, u għalhekk ikun ferm diffiċli għalih li jħallas il-kera kollha waħdu.

Enfasizza li hu ma tefgħax il-piż fuq l-Istat u talab sussidju, iżda qasam il-kera ma’ persuna oħra, bir-riżultat li issa qiegħed jiġi kkastigat billi jintalab iħallas lura l-pensjoni għall-perijodu bejn l-2017 u l-2020.

Id-Direttur Ġenerali fi proċeduri legali li nfetħu iddikjara li “l-ebda sitwazzjoni diffiċli ma tagħti lill-individwu d-dritt awtomatiku li jieħu xi benefiċċju jew li jibdel iċ-ċirkostanzi a vantaġġ tiegħu mingħajr ma jinforma lid-Dipartiment.”

Il-każ spiċċa fil-Qorti u ġie dikjarat li r-rikors mill-pensjonant ġie intavolat tard għax kien skada iż-żmien stiġulat. Fil-fatt jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Arbitru ngħatat fid-9 ta’ Marzu tas-sena 2023, imma l-appell tal-pensjonant tressaq fil-21 ta’ Ġunju tas-sena 2023, jiġifieri aktar minn mitt ġurnata wara li ngħatat id-deċiżjoni tal-Arbitru fil- konfront tiegħu. Il-Qorti itiddeċidiet li dwar dan ġie intavolat fuori termine, u għalhekk tastjeni milli tieħu konjizzjoni tal-aggravji mressqa mill-pensjonant.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport