Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nħatar Viċi President tal-Konferenza tar-Reġjuni Marittimi Periferiċi tal-Ewropa (CPMR) għall-Affarijiet Marittimi għall-mandat 2026–2028. Dan waqt l-Assemblea Ġenerali tas-CPMR fi Stavanger, in-Norveġja. Is-CPMR hija organizzazzjoni Ewropea li tirrappreżenta madwar 160 reġjun minn 24 pajjiż, u taħdem biex tiżgura li l-interessi tar-reġjuni periferiċi, marittimi u gżejjer ikunu rappreżentati fid-deċiżjonijiet Ewropej.
Din il-ħatra tpoġġi lil Għawdex fi rwol politiku importanti fi ħdan waħda mill-organizzazzjonijiet ewlenin Ewropej li tirrappreżenta reġjuni periferiċi u marittimi, u ssaħħaħ l-opportunità kemm għal Għawdex kif ukoll għal Malta biex jikkontribwixxu b’mod aktar dirett fid-diskussjonijiet Ewropej dwar l-affarijiet marittimi, l-ekonomija blu u l-futur tal-komunitajiet kostali.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “din il-ħatra hija responsabbiltà importanti għal Għawdex u għal Malta. Matul is-sentejn li ġejjin se naħdem biex il-vuċi tal-gżejjer, tar-reġjuni marittimi u periferiċi tkun rappreżentata b’mod b’saħħtu fid-diskussjonijiet Ewropej. Għawdex għandu sfidi partikolari marbuta mal-insularità doppja u l-konnettività, iżda fl-istess waqt, l-identità marittima tagħna toffrilna opportunitajiet importanti li rridu nkomplu niżviluppaw b’mod sostenibbli. Din il-Viċi Presidenza tagħtina opportunità akbar biex inwasslu dawn ir-realtajiet u l-prijoritajiet fuq livell Ewropew.”
Huwa żied jgħid li permezz ta’ din il-ħatra, anki wara s-suċċessi fix-xhur li għaddew b’mod partikolari wara li l-Belt Victoria ngħażlet bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2031, Għawdex qed ikompli jippożizzjona ruħu bħala reġjun importanti fl-isfera Ewropea.
Matul is-sentejn li ġejjin, il-Ministru Camilleri se jagħti tmexxija politika lill-ħidma tas-CPMR fis-settur marittimu. Fost il-prijoritajiet hemm is-sajd u l-akwakultura sostenibbli, il-ħarsien tal-komunitajiet kostali, il-governanza tal-oċeani, il-kompetittività tal-industriji marittimi, l-innovazzjoni fl-ekonomija blu u finanzjament Ewropew adegwat għas-settur marittimu. Il-ħidma se tiffoka wkoll fuq inizjattivi Ewropej importanti bħall-European Ocean Act, il-futur tal-Politika Komuni tas-Sajd, l-ippjanar spazjali marittimu u l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu.
Għal Għawdex, din il-ħatra tipprovdi pjattaforma importanti sabiex ir-realtajiet partikolari tal-gżejjer u r-reġjuni periferiċi jkunu riflessi aħjar fil-politiki Ewropej. Dawn jinkludu l-insularità doppja ta’ Għawdex, id-dipendenza fuq il-konnettività marittima, l-importanza tas-sajd fuq skala żgħira u tal-komunitajiet kostali, ir-rwol tal-portijiet żgħar u reġjonali, kif ukoll l-ispejjeż u l-iżvantaġġi strutturali marbuta mal-ġeografija.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-ħatra ssaħħaħ ukoll il-preżenza ta’ Malta bħala Stat Membru gżira fil-ħidma reġjonali Ewropea dwar l-affarijiet marittimi, fi żmien meta qed jitfasslu deċiżjonijiet importanti dwar il-futur tal-politika u l-finanzjament Ewropew f’dawn l-oqsma.
