Thursday, April 18, 2024

20 sena ħabs wara li nstab ħati li stupra lil omm l-eks tfajla tiegħu

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 22 sena ntbagħat 20 sena ħabs wara li nstab ħati f’ġuri ta’ erba’ kapi ta’ akkużi fosthom li fl-2019 stupra lil omm l-eks sieħba tiegħu b’oġġett ġewwa r-residenza tagħha f’Wied il-Għajn. Huwa nstab ħati wkoll li ġiegħel lil oħt l-eks tfajla tikkommetti atti mhux kunsenswali fuq ommha, li kkaġunalhom biża’ li se tintuża vjolenza kontra tagħhom u li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ minorenni.

L-akkużat iżda ma nstabx ħati li żamm lill-vittmi kontra l-volontà tagħhom, dan għaliex intqal li omm l-eks sieħba tiegħu kienet b’mod regolari toħroġ għax-xogħol u bintha baqgħet tiltaqa’ mal-għarus. Id-deċiżjoni ngħatat mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, billi f’dan il-ġuri ma kienx hemm ġurati.

L-Imħallef ma emmnitx li kien hemm tabilħaqq l-ispirti fid-dar fejn allegatament seħħew ir-reati li tagħhom instab ħati l-akkużat. Il-Qorti hija konvinta, li r-reati wettaqhom l-akkużat. L-omm kienet xehdet fil-Qorti li hija sfat abbużata mill-akkużat wara li dan qalilha li kien qed jiġi ordnat jagħmel hekk mill-‘ispirtu’. Hija kienet irrakkontat ukoll li kienet tiġi msawta jekk ma tagħmilx dak li kienet ġiet ordnata biex tagħmel, tant li darba minnhom iż-żagħżugħ allegatament aggrediha billi dawwar idejh m’għonqha biex jifgagħha.

Sadanittant, it-tifla tagħha xehdet kif hija kienet imbeżża’ mill-‘vuċi’ li kienet tisma’ fid-dar u kellha tibqa’ hemm għax l-istess vuċi kien qalilha li jekk titlaq allegatament “l-ispirtu kien se joqtol lin-nanniet tagħha”. Hija qalet li hi u ommha kellhom jobdu għall-ordnijiet tal-‘vuċi’ fosthom li kellhom jinżgħu għarwenin, jaqsmu l-istejjer sesswali bejniethom, u allegatament kienu mġiegħla jwettqu atti ta’ natura sesswali kontra l-volontà tagħhom.

Intqal ukoll li din il-vuċi ma kinitx tinstema’ meta l-akkużat ma kienx ikun fid-dar. Min-naħa l-oħra, oħt l-eks sieħba tal-akkużat qalet li hija kellha 14-il sena meta l-akkużat daħal id-dar tagħhom. Qalet ukoll li l-akkużat kien jikkontrollaha sal-punt li ma kinitx tgħid lil ommha b’dak li kien qed jiġri.

Hija allegat ukoll li ma setgħetx tirreżisti ‘għall-avvanzi sesswali aggressivi’ tal-akkuzat, u li kellha tkun disponibbli kull meta kien jitlob is-sess, għalkemm kienet għadha minorenni. L-akkużat, min-naħa tiegħu, għażel li ma jixhidx f’dan il-ġuri.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Angele Vela u Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mentri l-Avukat Mario Mifsud deher għall-akkużat. L-Avukat Lara Dimitrijevic dehret parte civile.

Ekonomija

Sport