Saturday, December 21, 2024

“20 sena ilu kien wieħed mill-agħar mumenti f’ħajti… impossibbli tinsa dak li seħħ” – – Larry Debono, Malti ta’ New York

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn – VICTOR VELAA

Proprju llum jaħbat l-20 anniversarju mill-attakki terroristiċi fuq it-Twin Towers fi New York. Larry Debono, Malti ta’ New York f’kummenti lil talk.mt iddikjara li “dak li seħħ 20 sena ilu kien wieħed mill-agħar mumenti f’ħajti. Impossibbli tinsa dak li seħħ”. Fi kliemu stess jgħid li jgħaddi kemm jgħaddi
żmien qatt ma tista’ tinsa dawk ixxeni li seħħew dakinhar, b’nies jiġru f’paniku, nies imbeżżgħin u nies jitfixklu u jaqgħu f’xulxin fit-toroq.


Larry jgħidilna li “dakinhar jien kont naħdem bħala electrician fi New York. Waqt li konna għaddejjin bix-xogħol smajna li kien hemm xi ajruplan li baqa’ dieħel f’wieħed mit-Twin Towers. L-ewwel ħsieb li għaddieli minn moħħi kien li dan kien xi ajruplan żgħir u li daħal hemm b’inċident. Imma ftit minuti wara smajna li kien hemm ajruplan ieħor li baqa’ dieħel fit-Torri l-ieħor. Kien f’dan il-mument li aħna iddeċidejna li nitilgħu fuq is-saqaf tal-binja fejn konna qed naħdmu biex naraw x’kien qed jiġri.”

Rajna d-duħħan ħiereġ u toqba kbira fit-torrijiet


Jiddeskrivi dak li ra b’għajnejh minn fuq is-saqaf. “Rajna id-duħħan ħiereġ mit-torrijiet. Stajna naraw toqba kbira f’kull wieħed mit-torrijiet. Bqajna hemm inħarsu lejn dak li konna qed naraw. Qisek bil-kemm trid temmen lil għajnejk. Wara xi nofsiegħa, rajna ajruplan militari li beda jdur fuq iż-żona. Nifhem li kien ajruplan li intbagħat mill-Pentagon. Ġara li d-duħħan tant beda jiżdied, li wara ftit ħin lanqas stajna naraw xejn aktar ħlief duħħan. Mhux it-torrijiet biss ma bqajniex naraw imma anke żoni oħra tal-belt għax spiċċa kollox ġo sħaba ta’ duħħan”.


Jaqa’ wieħed mit-torrijiet… u ftit warajh jaqa’ l-ieħor… paniku sħiħ

Il-Malti ta’ New York jgħidilna li “wara ftit smajna li wieħed mit-torrijiet kien iġġarraf. M’għaddix wisq ħin meta mbagħad smajna li kien iġġarraf it-tieni torri. Konna inżilna minn fuq is-saqaf u ħriġna fit-triq. Kien hemm paniku kbir kullimkien. Jien ċempilt lil imgħalem tagħna u għidlu bil-paniku kbir li kien hemm. Hu informa lil kulħadd biex jevakwaw il-binja fejn konna. Kellna imma problema għax kien hemm ħafna nies li ma riedux joħorġu mill-binja minħabba l-biża’ li kellhom. Bdejna nipprovaw nikkonvinċu lin-nies biex joħorġu. Fit-toroq kien hemm nies jiġru ppanikjati, jaħbtu u jitfixklu f’xulxin”.

Damu żmien isibu katavri jew biċċiet ta’ katavri


Jgħidilna li “bdejna naraw għadd ta’ ambulanzi ġejjin u sejrin. Il-kaos kien wieħed li lanqas timmaġinah. Damu żmien isibu katavri jew biċċiet ta’ katavri. Qatt ma nista’ ninsa dawk ix-xeni,” temm jgħid Larry.


Kont wasalt id-dar mill-isptar ftit sigħat qabel… x’ħin rajt l-ewwel filmat ħsibtu reklam ta’ xi film


Katrina, tgħid li “qatt ma nista’ ninsa dak li kont rajt. Kull meta ibni jagħlaq sena niftakar f’dawk ix-xeni. Jien kien għadu kif twelidli it-tifel ftit sigħat biss qabel. Kont qiegħda id-dar u kont se nagħti l-ħalib, meta bdejt nara il-filmat tal-ajruplan dieħel fit-torri. It-televiżjoni kien bla ħoss u bla ilħna u kif bdejt nara dak il-filmat għall-ewwel ħsibtu reklam ta’ xi film. Qlibt l-istazzjon, u kif ġie stazzjon ieħor telgħet l-istess immaġini. Kien hemm indunajt li din kienet realtà.”

Brian Cachia kien dixxident Malti li miet f’wieħed mit-torrijiet


F’dawk l-attakki terroristiċi kien safa vittma, Brian Cachia, żagħżugħ Amerikan ta’ dixxindenza Maltija. Missieru Joseph Cachia, oriġinarjament kien minn Ħaż-Żabbar u hu kien emigra lejn l-Istati Uniti fit-Tieni Gwerra Dinjija. Dakinhar tal-attakk, Brian kien mar għax-xogħol aktar kmieni mis-soltu, minħabba li ġie msejjaħ biex isolvi probelma teknika f’wieħed mill-kompjuters. Hu kien jaħdem fis-sular 103 tal-ewwel torri li kien attakkat. Brian kellu 26 sena. Hu kien ilu jaħdem għal dik il-kumpanija li kellha l-uffiċini fit-Twin Towers għal madwar xahar. Il-website li kellu hu nbidlet f’tifkira tal-memorja tiegħu.

Ekonomija

Sport