Eluf ta’ persuni, mhux biss Maltin imma anke turisti, irħewlha lejn Citta Vittoriosa għal edizzjoni oħra tal-Birgufest. Din l-attività li issa saret parti mill-kalendarju kulturali Malti kompliet tikber fil-popolarità u anke fl-attivitajiet li ġġorr magħha.

Il-programm għall-edizzjoni ta’ din is-sena kien jinkludi diversi attivitajiet kulturali u artistiċi bis-sehem ta’ gruppi lokali kif ukoll dawk barranin. Għalhekk, kull min attenda seta’ jgawdi l-kultura u l-istorja li toffri l-belt storika u marittima tal-Birgu.
F’din l-attività ntużaw aktar minn 20,000 xemgħa, grazzi għall-impenn u d-dedikazzjoni tar-residenti u n-negozji fil-Birgu. Dawn ix-xemgħat kienu mifruxa fit-toroq u sqaqien tal-lokalità kollha li ħolqu atmosfera billi dawwlu lil-lokalità kollha.

Fost attivitajiet oħra li saru waqt il-Birgufest kien hemm ukoll diversi taħditiet fuq l-ilsien Malti u d-djalett tal-Kottonera, gruppi mużikali folkloristiċi, ikel tradizzjonali Malti u esibizzjonijiet fuq il-lokal u suq tal-artiġġjanat Malti.