Saturday, December 28, 2024

Il-Prim Ministru għandu jerfa’ r-responsabbilità wara l-Inkjesta Sofia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt li kien qiegħed jindirizza attività politika f’Birkirkara

Aqra wkoll

“Wara dak li ħareġ mill-Inkjesta Pubblika Sofia, il-Prim Ministru Robert Abela għandu jerfa’ r-responsabbilità. Miegħu wkoll għandu jġorru r-responsabbilità l-Ministri li suppost kienu qegħdin jagħmlu xogħlhom.” Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien qiegħed jindirizza attivta politika f’Birkirkara.

Grech qal li matul din il-ġimgħa ltaqa’ ma’ Isabelle Bonnici u ma’ missier Jean Paul Sofia fejn wegħdhom li se jibqa’ jkun spalla ma’ spalla magħhom u ma dak kollu li għandu bżonn isir. Sostna li l-Prim Ministru kien qal lil Isabelle Bonnici li sakemm idum hu fil-kariga ma kienx se jagħmel inkjesta pubblika.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li issa li l-inkjesta pubblika saret u hemm il-konklużżjonijiet tagħha, huwa ċar li sabet lill-Prim Ministru ħati. Irrefera wkoll għal mozzjoni li se tressaq l-Oppożizzjoni fejn il-kelliem qal li din se ssir biex forsi xi ħadd xi darba jerfa’ r-responsabbilita ta’ dak kollu li ġara.

Dwar ir-riformi, Bernard Grech qal li huwa tajjeb li jsiru riformi, iżda dawn iridu jsiru mhux biss nitkellmu dwarhom. “Irid ikun hemm rieda politika għax l-affarijiet mhux qegħdin jinbidlu u għalhekk xi ħadd għandu jerfa’ r-responsabbilita,” kompla jgħid il-kelliem.

Waqt id-diskors tiegħu Grech tkellem ukoll dwar l-ogħli tal-ħajja fejn qal li meta jkun jitkellem ma’ sħabu l-mexxejja l-Ewropej jgħidulu x’inhuma jagħmlu f’pajjiżhom biex torħos il-ħajja. Qal li l-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni offra s-soluzzjonijiet kollha biex jiġu kkontrollati l-prezzijiet.

Fi tmiem id-diskors tiegħu hu ħeġġeġ lin-nies biex fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u dawk tal-Kunsilli Lokali joħorġu jivvutaw biex b’hekk ikunu huma li jiddeċiedu u mhux iħallu lil ħaddieħor jiddeċiedi għalihom.

Ekonomija

Sport