Sunday, December 22, 2024

Sliema W. jirbħu l-FA Trophy għat-22 darba

Aqra wkoll

Floriana………. 0

Sliema W. …….0

(Sliema W. 4-2 bil-penalties)

Sliema Wanderers rebħu l-FA Trophy għat-22 darba meta fil-finali għelbu lir-rivali eterni Floriana bl-iskor ta’ 4-2 bl-għoti tal-pe­nalties wara li temmew fi draw ta’ 0-0 wara l-ħin barrani.   

B’hekk il-Wanderers saru l-ewwel team promoss li rebaħ din il-kompetizzjoni. 

Floriana kellhom lil Oualid El Hasni u Matias Nicolas Garcia sospiżi, waqt li Sliema kellhom lil Edmond Agius nieqes għall-istess raġuni wara li t-tliet players tkeċċew fis-semi-finali. 

L-ewwel taqsima ma pproduċiet l-ebda emozzjoni hekk kif iż-żewġ timijiet ma bdewx jafdaw lil xulxin biż-żewġ difiżi jagħlqu l-ispazji neċessarji bil-konsegwenza li l-attakkanti ftit li xejn setgħu jimmanuvraw. 

Kien biss fl-40 minuta li assistejna għal azzjoni denja ta’ nota meta l-Wanderers ingħataw free-kick li minn pożizzjoni angolata, ix-xutt ta’ Samuel Gomes da Mata ġie salvat mill-goalkeeper Serb, Nemanja Andrijanic.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, is-Slimiżi ħarġu aktar avventurużi u, fil-55 minuta, cross-shot ta’ Gomes da Mata ġie interċettat minn Andrijanic.

Huma komplew jiddettaw il-logħob u fil-61 minuta reġa’ kien Gomes Da Mata li ttanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li ġie salvat mingħajr wisq diffikultá minn Andrijanic. 

Seba’ minuti wara, Geoffrey Acheampong ipprova jqab­beż il-ballun minn fuq Andrijanic li kien barra minn postu iżda t-tentattiv tiegħu ntemm għoli. 

Fis-76 minuta, il-Wanderers komplew jippersistu u minn azzjoni ta’ corner, id-daqqa ta’ ras ta’ Henrique Murilo spiċċat barra.  Floriana wieġbu għall-ewwel darba fit-82 minuta minn daqqa ta’ ras ta’ Kemar Reid li ntemmet barra. 

Fid-90 minuta, Sliema fal­lew ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor meta Daniil Kondra­kov għadda lejn Lydon Micallef li iżda ra lil Andrijanic isalva, biex evita goal ċert. 

Dan sabiex sekondi biss wara reġa’ kien Kondra­kov li falla ċans ieħor minn taħt il-lasti. 

U bir-riżultat jibqa’ dak ta’ mingħajr goals, kellu jingħata l-ħin barrani. 

Fil-100 minuta,  kienu Floriana li resqu viċin meta Maksim Valadzko venven xutt qawwi li iżda ġie salvat mill-goalkeeper, Rashed Al-Tumi. 

Iżda, fil-108 minuta, il- Furjaniżi qalgħu daqqa ta’ ħarta meta spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta tkeċċa Valadzko għal żewġ karti sofor f’temp ta’ minuta. 

Fil-115-il minuta, il-Wanderers setgħu skorjaw il-goal tar-rebħa meta Neil Frendo indirizza cross-shot fil-baxx lejn Gustavo Alcino li naqas li jikkonnettja mal-ballun u jitfgħu fix-xibka. 

U proprju fil-ħin miżjud tat-tieni taqsima, kienu Sliema li spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa Neil Frendo permezz ta’ karta ħamra diretta wara daħla kerha fuq player ta’ Floriana.

Bl-iskor ma jinbidilx, il- partita kellha tmur għall- għoti tal-penalties fejn għal Sliema Wanderers skorjaw Geoffrey Acheampong, Mohamed Awad, Lydon Micallef u Joseph Minala filwaqt li Gustavo Alcino falla t-tentattiv tiegħu. 

Għal Floriana skorjaw Jose Ulises Arias u Carlo Zammit Lonardelli u fallew Mattia Veselji u Kemar Reid.

Ekonomija

Sport