Tuesday, April 23, 2024

208 rapport dwar allegat użu ħażin jew abbuż ta’ Blue Badge

Aqra wkoll

Fl-2022, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) rċeviet total ta’ 694 talba għal investigazzjoni, żieda ta’ 11% meta mqabbel mal-2021. Minn dawn, 301 rapport kienu b’rabta ma’ nuqqas ta’ aċċessibbiltà, 208 rapport dwar allegat użu ħażin jew abbuż ta’ Blue Badge u 88 rapport b’rabta ma’ servizzi edukattivi mogħtija mill-istat, il-Knisja u l-privat. Ta’ min wieħed jinnota li ġie reġistrat tnaqqis konsiderevoli fir-rapporti marbuta mal-oqsma tal-Impjiegi u d-Djar (-33% u -38% rispettivament).

Dawn il-figuri ħarġu mir-rapport annwali tas-CRPD għas-sena 2022, li ġie preżentat lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, mill-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Samantha Pace Gasan. Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità hija l-entità regolatorja nazzjonali dwar l-ugwaljanza għas-settur tad-diżabilità f’Malta u f’Għawdex.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li matul l-2022, it-taqsima tal-infurzar fi ħdan is-CRPD ġabret 171 Blue Badge illegali u kkonfiskat 110 Blue Badge foloz. Hija rrimarkat li bħalissa għaddej xogħol fuq l-emendi għal-liġi tal-Blue Badge, fejn fost l-oħrajn se ssaħħaħ l-infurzar billi jiġu estiżi poteri ta’ infurzar u jiddaħħlu reati ġodda, speċjalment marbuta mal-falsifikazzjoni ta’ Blue Badge. Il-ministru rringrazzjat lill-ħaddiema kollha fi ħdan il-kummissjoni għall-ħidma tagħhom favur settur tad-diżabilità aktar b’saħħtu.

Il-Kummissarju Samantha Pace Gasan tat ħarsa estensiva ta’ ħidmet il-kummissjoni matul l-2022. Sal-aħħar ta’ Diċembru 2022 kien hemm 23,400 persuna b’diżabilità rreġistrati mas-CRPD. Spjegat li ġew evalwati 2,128 applikazzjoni għall-ippjanar, żieda ta’ 14% meta mqabbel mal-2021. Il-kummissjoni approvat 1,168 applikazzjoni filwaqt li ħarġet oġġezzjoni għal 960 applikazzjoni. Saru wkoll aktar minn 200 spezzjoni fuq is-sit.

Fl-2022 saru sessjonijiet ta’ taħriġ dwar l-Ugwaljanza fid-Diżabilità lil 2,250 parteċipant minn diversi entitajiet pubbliċi u privati f’Malta u f’Għawdex, żieda notevoli meta mqabbel mal-1,488 parteċipant fis-sena ta’ qabel. Inħarġu wkoll total ta’ 4,223 kard tal-UE, li minnhom 672 ġew imġedda. Il-kummissjoni kienet imsieħba f’sitt proġetti tal-UE relatati mad-diżabilità.

L-2022 kienet l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ tliet snin tal-kummissjoni (2022–2024). Minbarra l-ħidma ewlenija li għaddejja bħalissa, is-CRPD iffukat ukoll fuq prijoritajiet strateġiċi proattivi li se jirriżultaw fit-tkabbir tas-settur tad-diżabilità fis-snin li ġejjin.

1 kumment

  1. Abbuz mill Blue CARD kien ghadu w jibqa.Hawn min jabbuza bil kbir mill blue card. Ezempju jokkupaw post tal parking tal blue cards meta ghandhom garage.Min ghandu private parking inehhi il van mill dan il parking biex meta jigu membri tal familja jkollhom fejn jipparkjaw.Imorru il knisja bil van tal blue card u jipparkjaw fuq blue parking meta il persuna bhandicap ma tkunx maghhom.

Comments are closed.

Sport