Sunday, December 22, 2024

Birkirkara FC hija t-tieni dar tiegħi, għax hemm sibt it-tieni familja tiegħi – Kaiden Fenech

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Ta’ eta` żgħira l-ġenituri tiegħi kienu ħaduni l-Akkademja ta’ Birkirkara biex nibda sport bħalma jagħmlu ħafna. Verita` hi, li l-ewwel sena fejn kelli madwar erba’ jew ħames snin mort xi ftit sessjonijiet ta’ taħriġ u ma komplejtx immur, iżda s-sena ta’ wara l-ġenituri tiegħi reġgħu saqsewni ridtx nerġa’ mmur nipprova futbol jew ridtx nagħżel xi sport ieħor, u għażilt li nerġa’ mmur futbol. Minn hemm, kull darba li kont immur għat-taħriġ, bdejt aktar dejjem ninġibed lejn il-logħba tal-futbol.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tieghek ma’ Birkirkara FC sa issa?

Nixtieq l-ewwel ma’ nikkumenta fuq l-Akkademja ta’ BirkirKara għax ovvjament ma rridx ninsa minn fejn bdejt. Fl-Akkademja jsir ħafna xogħol kontinwament minn coaches, technical staff, volontiera u administration li fil-verita` ta’ eta` żgħira ftit tapprezzhom, pero` meta tibda tikber u tibda timmatura hemm tibda verament tapprezza dak li jkunu għamlu miegħek u minn hawn nixtieq nirringrazzja lil kull persuna li kien hemm jew għadhom hemm għax dawn kienu kollha parti mportanti ħafna mit-triq tiegħi s’issa biex wasalt s’hawn.

Rigward Birkirkara FC bdejt nieħu l-ewwel esperjenza tiegħi fl-istaġun 22/23 bħala senior level. L-esperjenzi tiegħi ma’ dan il-klabb huma indeskrivibbli għall-plejers bħali li ta’ eta` żgħira tkun kbirt ġol-klabb ta Birkirkara u tkun partitarju ta’ Birkirkara.  Kien hemm perjodi li kont inkun ball boy waqt logħob tas-seniors u f’dak il-mument tibda toħlom li xi darba tkun hemm.  F’dawn iż-żewġ staġuni li bdejt inkun parti mill-iskawdra ewlenija apprezzajt iktar ix-xogħol li jsir minn wara l-kwinti għax ovvjament nqatta` ħafna ħin minn ħajti magħhom.  Kull mhu se ngħid hu li Birkirkara FC hija t-tieni dar tiegħi, għax hemm sibt it-tieni familja tiegħi. Għamluni nħossni milqugħ mil-ewwel ġurnata u għandi rispett kbir mingħand kulħadd, inkluż il-partitarji.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, José Borg?

L-istess qabel nikkumenta fuq il-kowċ José Borg nixtieq ukoll li personalment nieħu l-opportunita` li min hawn nirrangrazzja lill-Mister Giovanni Tedesco u l-kowċ Brian Chetcuti li emmnu fija u tawni l-oppurtunita` li nipprova nagħmel il-qabża bil-mod minn Youth Level għal Senior Level, u li saħansitra wkoll waslet il-ġurnata tad-debutt fl-istaġun 22/23, li ovvjament dan ma nistax ninsieh u nirringrażzjahom ħafna li emmnu fija.  Kienet ġurnata ta’ emozzjoni kbira.

Rigward il-kowċ José Borg, sfortunatament il-perjodu tiegħu ma tantx kien twil għax inħatar kowċ tal-iskwadra ewlenija fi Frar li għadda u b’hekk il-perjodu kien wieħed qasir.  Irridu wkoll napprezzaw li ma kienitx task faċli għalih għax fl-istess ħin kien qed imexxi t-tim tan-nisa li saħansitra rebħu t-Treble u min-naħa l-oħra kellu l-piż biex jipprova li jintlaħaq it-tragward tal-klabb u ċert li għalkemm dan it-tragward ma ntlaħaqx għamel dak kollu possibli b’ħafna sagrifiċċju. Għalhekk ukoll personalment irrid nirringrazzjah ħafna, dejjem tani appoġġ kontinwu tiegħu, training professjonali u saħansitra wkoll emmen fija mill-ewwel fejn introduċieni kemm f’logħob tal-Premier kif ukoll tal-FA Trophy.

Ma nistax ukoll ma nirringrazzjax lill-istaff tekniku kollu, it-Team Manager u ħafna oħrajn.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt fil-Kampjonat Premier?

Li t-timijiet ta’ fuq ikunu aktar ta’ livell minn dawk ta’ taħt mhux dejjem naqbel.  Li jkollhom baġit finanzjarju ikbar u ovvjament ikunu jistgħu jgibu plejers ta’ ċerta esperjenza u ta’ livell iva, pero`, jien dejjem emmint u saħansitra anke ġrat f’ċerti logħbiet tagħna li dejjem tawna logħba fejn saħansitra anke ħadna draw jew telfa. Fil-ġurnata, nemmen li kull tim ikun validu u ma trid tieħu l-ebda tim ‘for granted’.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Rigward il-barranin ovvjament opinjoni tiegħi nġenerali fil-klabbs tal-Premier, inħoss li hemm  persentaġġ żgħir minnhom li huma ta’ livell għoli, x’ħin tevalwahom kollha. Għalkemm forsi tgħidli qed titkellem hekk għax żgħażugħ Malti u trid tipprova ssib postok.  Sinċerament mhux il-każ.  Nixtieq li jiġu ammont ta’ barranin ta’ livell għoli ħafna, biex aħna żgħażagħ Maltin inkunu nistgħu nieħdu esperjenza tajba mingħandhom. Ovvjament meta bħala plejer kemm waqt it-taħriġ jew logħob, se tkun ma’ grupp ta’ plejers ta’ livell għoli, awtomatikament jekk int tkun temmen fik innifsek u trid tipprova tagħmel il-qabża, ħa tgħolli livell tiegħek.  Nemmen ukoll li hawn ħafna players Maltin stabbiliti diġa li huma ta’ livell ogħla minn ħafna barranin li kien hawn dan l-istaġun u wkoll players oħrajn żgħażagħ bħali li jekk ningħataw aktar spazju, nemmen li nistgħu nagħtu ħafna lill-klabbs tagħna.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-Kampjonat Premier?

Il-maġġor parti tal-logħob tal-Kampjonat Premier isiru fin-National Stadium jew fit-Tony Bezzina Stadium li t-tnejn inħoss li għandom art tajba biex isir il-logħob fihom.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis fil-Kampjonat Premier?

Rigward referis, kulħadd huwa uman u kulħadd huwa suġġett għal-iżbalji, u meta tkun fil-pitch naċċertak li mhux faċli xejn għalihom. Inġenerali nħoss li għandna livell tajjeb ta’ referis.

Kif jirnexxielek tlaħħaq mal-istudji tieghek u mal-futbol?

L-importanti ħafna huwa li trid tagħmel pjan għal kull ġurnata u xejn inqas min sagrifiċċji kbar.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Għalissa ovvjament ix-xewqa tiegħi hi li bil-mod il-mod nistabbilixxi ruħi iktar mas-Senior Team fil-Kampjonat Premier. ‘Il quddiem naraw x’opportunitajiet jistgħu jinqalgħu.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi huwa li qatt m’għandek taqta` qalbek biex tasal fejn tixtieq. Trid tkun lest għal ħafna dixxiplina, lest li tisma’, lest li titgħallem u l-iktar waħda li tista` twasslek li tkun lest għal ħafna sagrifiċċji!

Ekonomija

Sport