Friday, December 27, 2024

21 mejta u mijiet ta’ nies bla saqaf fuq rashom wara li ċiklun tropikali ħakem fin-Nofsinhar tal-Brażil

Aqra wkoll

Minn tal-inqas 21 persuna tilfu ħajjithom wara li ċiklun ħakem lil Rio Grande do Sul, stat fin-Nofsinhar tal-Brażil. 15 mill-vittmi kienu fl-istess dar f’Mucum — belt li jgħixu fiha madwar 50,000 persuna.

Ikkonferma dan il-Mexxej ta’ Rio Grande do Sul, Eduardo Leite. Huwa qal ukoll li waħda mill-vittmi hija mara li nġarret mill-ilmijiet waqt operazzjoni tas-salvataġġ fix-xmara Taquari. Dan filwaqt li l-persuna l-oħra li kienet qed tipprova ssalva lil din il-mara tinsab fil-periklu tal-mewt.

Huwa ddeskriva dan l-episodju tal-maltempata bħala l-agħar diżastru naturali li qatt seħħ f’Rio Grande do Sul, f’dak li għandu x’jaqsam mat-temp.

Il-maltempa ġiet klassifikata bħala ċiklun ekstratropikali, ikkaratterizzata minn pressjoni baxxa bil-fronti tat-temp li jistgħu jipproduċu maltempati qawwijin bir-ragħad u xita qawwija. Kawża tal-istess ċiklun faru għadd ta’ xmajjar u toroq li sussegwentement wasslu biex mijiet ta’ persuni sfaw mingħajr saqaf fuq rashom. Il-Mexxej tal-Istat, Leite, qal li huwa stmat li minn tal-inqas hemm 1,650 persuna li spiċċaw bla dar it-Tnejn billejl.

B’kollox, dan il-maltemp qawwi affettwa madwar 60 belt fl-Istat ta’ Rio Grande do Sul. L-imsemmi stat kien diġà ntlaqat minn ċiklun ieħor ta’ dan it-tip f’Ġunju li għadda, li ħasad il-ħajja ta’ 16-il persuna u kkawża ħsarat f’40 belt.

Il-President Brażiljan, Luiz Inacio Lula da Silva qal li l-Gvern Federali lest li jgħin.

Ekonomija

Sport