Tuesday, May 14, 2024

Investigazzjoni li bdiet sena u nofs ilu wasslet biex 141 ruħ jitilfu l-benefiċċju tad-diżabbiltà

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal jiċħad kategorikament allegazzjonijiet li m’aġixxiex dwar akkużi ta’ abbuż li semma fuq ġurnal nhar il-Ħadd li għadda.

Fi stqarrija, il-Ministeru sostna li d-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza f’dan il-Ministeru stess fl-2022 u minn jeddha, għaddiet informazzjoni lill-Pulizija. Dan wara li f’Settembru 2022, din id-diviżjoni fi ħdan il-Ministeru ltaqgħet ma’ numru ta’ applikazzjonijiet fejn fihom kien hemm suspett ta’ allegat frodi u/jew iffalsifikar ta’ numru ta’ dokumenti mediċi.

Filwaqt li d-Diviżjoni ma tkunx mgħarrfa bid-dettalji tal-investigazzjonijiet tal-Pulizija, il-Pulizija kienet talbet ukoll id-dettalji ta’ dawk kollha li bbenefikaw mill-Assistenza għal Diżabilità Severa bejn is-sena 2019 u s-sena 2022. Id-diviżjoni relevanti għaddiet din l-informazzjoni minnufih kif mitlub. Dan ma jfissirx li f’dawk il-każi kollha kien hemm abbuż.

Fil-fatt, skont l-istruzzjonijiet mogħtija mill-Pulizija u bil-ħidma li saret mid-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza, wasslet biex twaqqfu 141 każ ta’ Assistenza Għal Diżabilità Severa, li wasslet biex bdew jinġabru lura dawn il-pagamenti li ma kinux mistħoqqa u li jammontaw għal €2.1 miljun. Sa issa nġabru lura mat-€330,000.

L-istqarrija tkompli tgħid li d-Diviżjoni kif ukoll id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jagħtu benefiċċji ta’ natura medika, inklużi dawk għal diżabilità jew invalidità, skont dak rakkomandat minn tobba jew minn bordijiet mediċi, maħtura għal dan l-għan skont Artiklu 106 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.

Għaldaqstant, dawn id-deċiżjonijiet huma totalment dipendenti fuq il-konklużjonijiet li jieħdu l-professjonisti mediċi dwar il-każijiet rispettivi. Irid jingħad ukoll li, sal-lum, il-pulizija ma tat ebda struzzjonijiet biex tittieħed xi forma ta’ azzjoni jew sanzjoni fil-konfront ta’ xi professjonist jew professjonisti li qegħdin fuq il-bordijiet mediċi tas-sigurtà soċjali maħtura bil-liġi.

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal jibqa’ impenjat li jindirizza u jsaħħaħ il-ġlieda kontra kull forma ta’ abbuż soċjali, u jikkopera ma’ awtoritajiet oħra f’din il-ħidma, temm jgħid l-istqarrija.

Il-każ dwar il-benefiċċji soċjali kien ġie rrapportat lill-Pulizija minn Kastilja

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-każ li fih hemm allegazzjonijiet dwar persuni li ħadu benefiċċji soċjali tad-diżabbilità mingħajr ma kienu intitolati għalih kien ġie rrapportat lill-Pulizija minn Kastilja. F’dan il-każ, li ġie rrapportat il-Ħadd li għadda, issemma fih ukoll eks Deputat Laburista.

Abela waqt li kien qiegħed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara li inawgura pixxina ġdida ta’ daqs olimpiku fil-Kottonera sostna li dak li ġie rrapportat ma kien xejn ġdid, tant li kien hu li xhur ilu ħa deċiżjoni politika li waslet għar-riżenja tad-Deputat Laburista Silvio Grixti.

Sostna li l-aktar importanti minn hekk hija li Kastilja meta saru jafu b’dawn l-allegazzjonijiet, is-Segretarja Permanenti responsabbli mill-People & Standards Division irreferiet il-każ minnufih lill-Pulizija.

Il-Prim Ministru qal li l-Pulizija mill-ewwel bdew bl-investigazzjonijiet tagħhom u kien hemm numru ta’ proċeduri li ttieħdu. Abela qal li apparti l-azzjoni immedjata li ħadet is-Segretarju Permanenti, il-Ministeru għall-Politika Soċjali li jamministra l-benefiċċji soċjali rrefera wkoll lill-Pulizija każi li qajmu suspett.

Qal li hekk kif din l-allegazzjonijiet ġiet għall-attenzjoni ta’ Kastilja, din ġiet indirizzata fuq żewġ livelli. Kien hemm id-deċiżjoni politika b’min allegatament kien responsabbli refa’ r-responsabilità politika u rriżenja, u kien hemm id-deċiżjoni oħra li b’mod immedjat il-każ ġie referut għand il-pulizija biex ikunu jistgħu jinvestigaw.

Meta kien mistoqsi jekk hux konvint li mhemmx deputati tal-Partit Laburista nvoluti f’dan l-allegat każ, il-Prim Ministru sostna li hu jinsab konvint li ma hemm l-ebda ministru jew membru parlamentari li kien parteċipi jew idderieġa lil xi ħadd biex iwettaq xi irregolarità.

Sostna wkoll li t-taqsima tal-customer care f’Kastilja b’ebda mod ma dderiġiet lil xi ħadd biex iwettaq xi irregolarità.

Sport