Wednesday, July 24, 2024

MFA Awards se jsiru nhar is-Sibt 25 ta’ Mejju

Aqra wkoll

Wara li fl-aħħar ġranet assistejna għal tliet partiti mill-FA Trophy li offrew eċċitament, divertiment u bilanċ assolut, jonqos issa s-serata annwali li matulha nippremjaw dawk li fl-opinjoni tal-plejers, coaches, amministraturi, ic-Centru Tekniku tal-MFA, kif ukoll għadd ta’ ġurnalisti, ikunu spikkaw fil- kategorija rispettiva tagħhom.

L-MFA Awards ser isiru nhar is-Sibt 25 ta’ Mejju fit-8pm ġewwa l-Lukanda Double Tree by Hilton il-Qawra, fejn qabel kien hemm il-Lukanda Dolmen. Grazzi għall-ftehim li l-MFA għamlet mal-PBS, is-serata ta’ premjazzjoni sejra tintwera ‘live’ fuq TVM Sports +.

B’kollox ser jingħataw 19-il unur li jkopru l-livelli kollha tal-futbol Malti, jiġifieri il-Youths, in-National Amateur League, ic-Challenge League, u l-BOV Premier League. Novita’ din is-sena ser ikun l-unur ‘The Football Social Responsibility Award’ li ser jippremja l-aqwa inizjattiva li tkun ħalliet impatt fuq il-ġustizzja soċjali.

Sar ukoll adattament għall-apprezzament lejn l-Għawdxin ġewwa Malta sabiex l-unur ma jkunx limitat biss lejn xi plejer jew ieħor, imma jkunu eliġibbli wkoll timijiet u uffiċjali Għawdxin li jkunu ta’ ispirazzjoni għal oħrajn bl-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom li joħorġu mill-“comfort zone” u jiksbu suċċess fil-futbol Malti. Għalhekk dan l-award sar jismu “The Gozitan Achievement Award”.

Minbarra l-unuri ewlenin “Footballer of the Year” fil-kategoriji kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel, ser jiġu premjati l-aqwa plejers żgħażagħ irġiel u nisa, kif ukoll l-aħjar fiċ-Challenge League u l-Amateur League, l-aħjar plejer barrani,

l-aħjar kowċ, l-aqwa skorers f’kull diviżjoni, il-fair play award, kif ukoll l-unur ferm prestiġġjuż “The President’s Award”. Il-pubbliku sportiv ukoll ser ikun parteċipi billi jivvota għall-isbaħ gowl fost l-10 magħżula minn panel ta’ ġurnalisti. Din is-sena wkoll ser jitħabbar isem ta’ plejer li l-Assoċjazzjoni ser tkun qiegħda tirrikonoxxi u tinkludi fil-Hall of Fame, li hija riservata għal dawk li jkunu kisbu success straordinarju fil-karriera tagħhom.

Din is-sena l-MFA Awards ser ikollhom aċċenn femminili, fejn minbarra għarfien mistħoqq lejn is-suċċess tat-tim nazzjonali tan-nisa li matul l- istaġun 2023/2024 laħaq tragward importanti billi kiseb ian promozzjoni fil- UEFA Nations League u allura issa jinsab jikkompeti mal-aqwa 32 tim nazzjonali Ewropew, is-serata ser tkun preżentata minn Sarah Bajada u waqt din il-lejla ta’ ċelebrazzjoni ser ikun hemm ‘entertainment’ minn grupp femminili bl-isem ta’ MARA.

Matul is-serata ser nkunu wkoll qegħdin nifirħu lit-tim nazzjonali tal-Futsal għas-suċċess storiku miksub permezz ta’ kwalifikazzjoni għall-Main Round bi tliet rebħiet minn tlieta.

Waqt is-serata għadd ta’ unuri ser jitħabbru minn ex plejers irġiel u nisa li rebħu l-Footballer of the Year u t-Top Scorer Awards fil-passat, oħrajn mill- isponsors tagħna bħalma huma dawk ewlenin, jiġifieri l-Bank of Valletta, Izibet, u Assikura, u uħud mill-Ogħla Uffiċjali tal-MFA.

Matul konferenza stampa li saret biex jingħatawiktar dettalji rigward dan, il-vici-president tal-MFA, Adrian Casha, qal: “Nieħu l-opportunità li nifraħ lit-timijiet kollha għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-kampjonati nazzjonali rispettivi, fejn minbarra r-rebbieħa kien hemm numru ġmielu ta’ klabbs li nvestew fi plejers żgħażagħ sabiex dawn ikunu l- bażi għall-ġejjieni.”

“Fl-aħħarnett nirringrazzja lill-mezzi kollha tax-xandir għar-rapportaġġ estensiv li ngħata l-futbol Malti matul l-istaġun li għadu kif intemm.”

Ekonomija

Sport