Il-kwistjoni ta’ tfal li jmorru l-iskola bla lunch jew għal xi raġuni hemm problemi biex jingħataw dan il-lunch tqajmet fil-Parlament. Għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli, il-Ministru Justyne Carauna qalet li hemm 214 student li qed jingħataw ikel mill-iskejjel.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana qalet li hemm 214-il student mill-iskejjel tal-Istat li qed jingħataw lunch kuljum mill-iskola matul din is-sena skolastika. Dan il-lunch ivarja bejn ħobża, wrap jew għaġin akkompanjat minn frotta friska u flixkun ilma.
Mill-informazzjoni li ngħatat jirrizuilta li fil-Kulleġġ Maria Reġina hemm 21 tfal li qed jingħataw dan il-lunch, fil-Kulleġġ ta’ Għawdex hemm 25 tfal, fil-Kulleġġ Santa Tereża hemm 38 tfal waqt li fil-Kulleġġ San Benedittu hemm 18-il tfal. Jekk nieħdu l-Kulleġġ Santa Margeit. hemm 42 tfal li jingħataw dan il-lunch, fil-Kulleġġ Santa Klara hemm 13, fil-Kulleġġ San Injazju hemm tmint itfal, fil-Kulleġġ San Ġorġ Preċa hemm 29 tfal u fil-Kulleġġ St Thomas More hemm 20 tfal.