Is-sena li għaddiet, ġew irrapportati total ta’ 2,174 każ ta’ vjolenza domestika. L-akbar għadd ta’ rapporti saru f’dawn il-lokalitajiet: San Pawl il-Baħar (145) u l-Mosta (106). Dan filwaqt li ma ġie rrapportat l-ebda każ ta’ vjolenza domestika fil-Fontana, Kerċem u l-Imdina.
It-tagħrif dwar il-lokalitajiet kollha li fihom saru rapporti dwar vjolenza domestika ngħata mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.
Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Camilleri stqarr li l-vjolenza domestika hi pjaga fis-soċjetà li rridu nibqgħu niġġildulha ta’ kuljum bħala soċjetà lkoll flimkien. Huwa għalhekk li hemm għaddejjin numu ta’ inizjattivi minn entitajiet differenti fi ħdan il-Gvern.
“Li hu żgur li rridu nibqgħu noħolqu l-kuxjenza u l-ambjent fejn wieħed ma jiddejjaqx jersaq ‘il quddiem u jirrapporta,” qal il-Ministru Camilleri. “Kien għalhekk li fl-2020 għall-ewwel darba l-Korp tal-Pulizija ħatar skwadra speċjalizzata, il-Gender Based and Domestic Violence, biex jagħti servizz aħjar u aktar speċjalizzat lil vittmi ta’ vjolenza domestika. Dan hu servizz mutli dixxiplinarju li ma jinkludix biss lill-pulizija, iżda wkoll professjonisti oħra.
“Dan wassal biex infetħu hub f’Santa Luċija u ieħor f’Għawdex biex jingħata dan is-servizz speċjalizzat. Issa lestejna x-xogħol ukoll fl-Imtarfa, fejn se jinfetaħ hub ieħor u jibda jopera f’dawn il-jiem.
“Fost inizjattivi oħra minn dan il-Ministeru, is-sena li għaddiet beda jingħata wkoll servizz ta’ panic alarms u komplejna nsaħħu s-servizzi li jingħataw mill-Victim Support Agency,” temm jgħid il-Ministru.

