L-eks-mexxej tal-grupp tal-lemin estrem Proud Boys fl-Istati uniti, Enrique Tarrio, ġie kkundannat 22 sena ħabs għas-sehem tiegħu fl-attakk fuq il-Capitol tal-Istati Unit lura għas-6 ta’ Jannar tal-2021. Is-sentenza ngħatat nhar it-Tlieta, bil-Qorti tgħid li sa issa din kienet l-itwal sentenza li ingħatat f’dan ir-rigward.
L-Imħallef Amerikan Timothy Kelly li ta s-sentenza lil Tarrio li għandu 39 sena qal li s-sentenza kienet xierqa minħabba li l-akkużat kellu rwol fl-irvell mill-partitarji tal-President ta’ dak iż-żmien Donald Trump.
Fil-Qorti, Tarrio instab ħati li kkonfoffa fl-ippjanar tal-irvell fuq il-Capitol u li pprova jwaqqaf lill-Kungress milli jiċċertifika t-telfa tal-President Trump f’elezzjoni li l-istess Trump kien iddikjara li l-elezzjoni ntrebħet minn Biden bi frodi.
L-avukati ta’ Tarrio qalu li hu ma kellu l-ebda influwenza diretta fuq l-irvell.
Fl-impożizzjoni tas-sentenza, l-Imħallef qal li Tarrio kien il-mexxej aħħari ta’ dik il-konfoffa u li hu kien l-istess persuna aħħarija li organizza l-irvl u li kien motivat sabiex joħloq rivoluzzjoni.
L-Imħallef emfasizza wkoll li l-Qorti ma kellha ebda indikazzjoni li Tarrio wera xi rimors jew dispjaċir għal dak li kien għamel.
Fil-Qorti, l-akkużat Enrique Tarrio qal li ddispjaċih għall-azzjonijiet tiegħu. Huwa qal; “Ninsab estremament diżappuntat dwar il-vjolenza kontra l-infurzar tal-liġi dakinhar, u niddikjara li dak li ġara fis-6 ta’ Jannar kien imbarazzament nazzjonali”.
Fl-attakk li kien sar fuq il-Capitol kienu ġew arrestati aktar minn 1,000 persuna b’rabta ma’akkużi tal-istess attakk. Iktar minn nofshom kienu wieġbu li huma ħatja għal l-akkużi miġjuba kontrihom u minn tal-inqas instabu madwar 100 persuna ħatja waqt il-proċess.
Fl-istess attakk, mietu ħames persuni inkluż uffiċjal tal-pulizija.Barra minn hekk indarbu wkoll 140 uffiċjal tal-pulizija, li kienu qegħdin jassistu fis-sigurta tal-Capitol.