Madwar 25,000 persuna li jaħdmu ħinijiet atipiċi, jiġifieri filgħaxijiet, fi tmiem il-ġimgħa u bix-xift, mil-lum se jkunu qegħdin jirċievu ċekk ta’ €150. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana f’konferenza tal-aħbarijiet fejn qal li b’dan il-mod se tkun qiegħda titwettaq miżura oħra tal-budget għal din is-sena, li tinsab elenkata wkoll fil-budget għas-sena d-dieħla.
Il-Ministru Caruana spjega li dawk eleġibbli għal dn l-għotja jrid ikollhom paga bażika ta’ mhux aktar minn €20,000, mingħajr bonuses jew overtime. Din se tolqot lil dawk il-ħaddiema li jaħdmu fis-setturi tal-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel, is-servizzi amministrattivi ta’ sapport, il-manifattura, it-trasport u l-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut.
“Waħda mill-miżuri fil-politika nazzjonali dwar is-suq tax-xogħol kienet dik li l-Gvern irid jagħti aktar inċentivi lil dawk il-ħaddiema li jaħdmu f’dawn is-setturi sabiex inħeġġuhom ikomplu jaħdmu fihom u nħeġġu oħrajn iħarsu lejn dawn is-setturi,” qal il-Ministru Caruana. “Din tal-lum hi l-ewwel darba li qed nagħtu dan l-inċentiv li matul iż-żmien se jibqa’ jingħata u jista’ jiġi rivedut ‘il fuq ukoll.”
Huwa qal ukoll li biex persuna tkun eleġibbli għall-għotja ta’ €150 trid tkun ħadmet minn tal-inqas sitt xhur fl-imsemmija setturi matul is-sena l-oħra. Fakkar illi l-ispiża marbuta ma’ din il-miżura se tkun qiegħad tlaħħaq l-€4 miljun.
Il-Ministru Caruana kompla jgħid li dawk li jħossu li kellhom ikunu eleġibbli iżda ma rċevewx dak dovut, għandhom iċemplu fuq in-numru 153, fejn imbagħad wara li ssir l-evalwazzjoni meħtieġa, f’Marzu 2023 jerġa’ joħroġ il-pagament għal dawk li ma jkunux tħallsu f’dan il-perjodu.
“B’dawn l-inizjattivi li qed nagħmlu, jiġifieri li dejjem inħeġġu lin-nies li jaħdmu, se nkunu tajna din is-sena xejn inqas minn €50 miljun f’għotjiet lill-ħaddiema. Permezz tat-traħħis tat-taxxa fuq l-overtime se nkunu tajna €6 miljun, permezz tat-traħħis tat-taxxa fuq il-part-time se nkunu tajna €5 miljun, permezz tat-tax refund se nkunu tajna €26 miljun, l-inwork benefit €12.5 miljun u ma’ dawn se jiżdiedu l-€4 miljun imħabbra llum għal ħaddiema atipiċi,” temm jgħid il-Ministru Caruana.