Thursday, December 25, 2025

GAZA U BONDI

Aqra wkoll

M’hemm l-ebda kontradizzjoni filli fl-istess ħin nuru solidarjetà l-aktar sħiħa mal-poplu Palestinjan ta’ Gaza u mal-komunità Lhudija ta’ Bondi/Sydney fl-Awstralja. Fiż-żewġ każi seħħew atti qawwija ta’ inumanità u qtil li jixirqilhom kull kundanna, mingħajr ebda riżerva jew tidwir mal-lewża.

Veru li fi żmien il-Milied, ikun ideali li wieħed isegwi biss sfidi ferreħija bħal x’jiġri fil-cartoons ta’ Disney jew fil-parties tal-istaġun. Imma jekk sadattant ikunu għaddejja sfidi oħra reali u kiefra ħafna, dawn ma jistgħux jiġu injorati. Li wieħed juri solidarjetà qawwija mal-poplu ta’ Gaza bl-ebda mod ma jfisser appoġġ jew qbil taċitu mal-antisemitiżmu, li jrid jibqa’ jiġi kundannat bla waqfien.

Li wieħed juri l-istess solidarjetà mal-Lhud tal-Awstralja bl-ebda mod ma jagħti ħjiel ta’ simpatija jew appoġġ għall-atti ġenoċidali tal-istat Iżraeljan fil-gwerra li baqa’ jmexxi f’Gaza, li jridu jibqgħu jiġu kundannati.

PAĊI U INTERESSI

L-aħħar numru tal-magazine maħruġ mid-Dumnikani Knisja Elfejn jiffoka fuq il-paċi, tema li l-Knisja Kattolika fl-aħħar żminijiet (bir-raġun) poġġiet fuq quddiem. L-artikli (kollha interessanti) fil-ħarġa iqajmu spunti varji dwar il-paċi (naturalment minn perspettiva Kattolika).

Ivarjaw mit-“teoretiku” b’rabta mal-liġi internazzjonali; għal dak “pastorali” fis-sens tal-imġiba personalment korretta fejn jidħlu r-relazzjonijiet bejn ġnus u persuni; għal diskussjoni ta’ każi konkreti (Gaza). Forsi kont nistenna diskussjoni aktar ċara dwar kif il-paċi hi marbuta ma’ jekk l-interessi li jimmotivaw komunitajiet nazzjonali u etniċi humiex ikunu sodisfatti jew kalpestati. X’jagħmel dawn l-interessi mhux biss legali jew leġittimi, imma wkoll moralment validi, f’konfront mal-interessi ta’ ħaddieħor?

Dil-mistoqsija tmur lil hinn mid-diskussjoni ta’ x’jikkostitwixxi “gwerra ġusta”. Il-qerda tal-paċi titlaq meta interessi validi jiġu injorati, anke meta dan ma jirriżultax fi gwerra.

TIGNE

Il-proposta biex il-fortizza ta’ Tigne tittieħed lura mill-gvern u tiġi salgwardjata bħala monument tal-wirt nazzjonali m’għandhiex titwarrab. Ħafna Maltin illum ma jifhmux kif fl-imgħoddi, dal-pajjiż kien mitqies sempliċement bħala fortizza. Il-Maltin li jgħixu fih kienu mitqiesa bħala l-appendiċi ċivili tal-gwarniġjon militari stazzjonat hawn.

Li nippreżervaw il-fortizzi li kienu jassiguraw dan l-istat ta’ fatt jagħmel sens kbir biex l-identità Maltija ma titħalliex tintilef. Il-gvern xtara numru ta’ binjiet minn fejn joperaw każini tal-baned, mitqiesa bħala parti mill-wirt nazzjonali. Għandu jagħmel l-istess għal fortizza bħal ta’ Tigne. Nistqarr kunflitt ta’ interess f’dan li qed ngħid.

Ħafna ħafna snin twal ilu, kont wieħed minn dawk li twieldu fid-dell tal-fortizza ta’ Tigne, preċiżament fuq il-fruntiera ta’ bejn iċ-ċivili u l-militar.AWGURI Xewqat sbieħ għal Milied hieni lill-istaff u l-qarrejja kollha ta’ talk.mt.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport