Matul ix-xahar ta’ Lulju żar pajjiżna mal-247,029 turist li għażlu lil pajjiżna bħala d-destinazzjoni għal vaganza, filwaqt li 11,092 ġew f’pajjiżna minħabba raġunijiet ta’ negozju.
Fi stħarriġ ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Istatistika Nazzjonali (NSO), irriżulta wkoll li l-akbar ammont ta’ turisti kienu tfal u żgħażagħ minn trabi sa 24 sena li kienu jammontaw għal 36.7 fil-mija tat-total ta’ turisti li daħlu fl-istess xahar indikat.
Għal darba oħra dawk ġejjin minn l-Italja, Franza u l-Ġermanja kienu jiffurmaw il-biċċa l-kbira ta’ dawn it-turisti b’madwar 37.3 tat-total.
Rigward l-akkomodazzjoni, skont l-istess statistika jidher li l-maġġoranza tat-turisti – madwar 83 fil-mija – qattgħu l-iljieli fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni mikrija.
Irriżulta wkoll li huma damu f’pajjiżna medja ta’ 8.3 iljieli u filwaqt li n-nefqa totali kienet ta’ €275 miljun, b’kull turist jonfoq medja ta’ €120.90 kull lejl.
Fuq medda ta’ seba’ xhur, minn Jannar sa Lulju, żaru pajjiżna mal-1,168,741 li huma stmati li qattgħu 8.3 miljun lejl u nefqu kważi €971 miljun.
Meta mqabbla mal-istatistika miġbura relatata mas-sena 2019, għalkemm kien hemm irkupru b’saħħtu, ix-xahar ta’ Lulju kien ftit persentaġġi bogħod miċ-ċifri miksuba qabel il-pandemija. Interessanti l-fatt li dawk minn trabi sal-età ta’ 24 sena kienu l-unika faxxa ta’ turisti li bħala ammonti qabżu lil dawk tal-2019 b’106.9 fil-mija.
Fir-rigward tan-nefqa fix-xahar ta’ Lulju, din is-sena kien hemm dħul ta’ 96.5 fil-mija ta’ dak li pajjiżna daħħal fis-sena 2019.
Dawn iċ-ċifri jikkonfermaw dak li qal fl-aħħar jiem il-Prim Ministru Robert Abela rigward dan is-settur bħala wieħed mill-pilastri fundamentali biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tkompli tissaħħaħ u jkun possibbli li jittejjeb il-livell tal-għajxien tal-poplu kollu.