Sunday, November 24, 2024

280 student fil-Kampus ta’ Barts f’Għawdex

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa saret it-tielet grawdazzjoni tal-Iskola Medika ta’ Barts fil-kampus ta’ Għawdex. Din l-Iskola Medika tal-Università Queen Mary ta’ Londra ġiet żviluppata f’Għawdex permezz tal-ftehim tal-konċessjoni tal-isptarijiet u nbiet kollha kemm hi minn fondi privati.

Bħalissa din l-Iskola Medika għandha 280 student, kważi kollha barranin, b’madwar 60 student ġdid kull sena u b’domanda akbar mill-postijiet disponibbli.

Persuni midħla sewwa tal-proġett qalulna li l-Gvern Malti kien wera mill-ewwel l-intenzjonj li ssir din l-Università ġewwa Għawdex minkejja x-xettiċiżmu li kien jintwera li dan qatt seta’ jsir kull darba li l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat, kien isemmi l-proġett.

Il-persuna li kienet maħtura fl-2013 biex tidentifika universitajiet interessati kien il-Professur Mark Brincat, li fetaħ it-triq ma’ Queen Mary University.

L-Iskola Medika timpjega 23 persuna full tajm, bosta minnhom Għawdxin, filwaqt li hemm 450 tobba li jgħallmu jew għandhom xi assoċjazzjoni ma’ Barts.

Waqt il-gradwazzjoni, li għaliha attenda l-Prim Ministru Robert Abela, spikka diskors ta’ studenta li rringrazzjat lill-istudenti tal-Università ta’ Malta li saru ħbieb mal-istudenti ta’ Barts. Dan minkejja li ninsabu infurmati li l-Università ta’ Malta għadha toġġezzjona li jsiru klassijiet flimkien bejn iż-żewġ universitajiet, xi ħaġa li hija normali barra minn Malta.

Jidher li l-oġġezzjonijiet tal-Università ta’ Malta li tiftaħ l-università Ingliża f’Malta kienu kbar mill-ewwel, fost l-oħrajn minħabba li kienu jsostnu li l-isptarijiet mhux kbar biżżejjed għat-tnejn, iżda l-Gvern baqa’ għaddej bil-proġett xorta.

L-effett pożittiv ta’ dawn il-280 student barrani fuq l-ekonomija Għawdxija qed jinħass sew. Bejniethom dawn jikru madwar 100 appartament matul is-sena kollha. Għal gradwazzjoni ta’ din il-ġimgħa biss kien hemm preżenti aktar minn 300 familjari tal-istudenti li qagħdu f’Għawdex.

Barra minn hekk hemm effett akbar fuq l-ekonomija Għawdxija. Per eżempju għall-eżamijiet regolari li jsiru jiġu mpjegati madwar 20 persuna kull darba biex iservu ta’ pazjenti.

Sport