Wednesday, August 20, 2025

28,814-il mistoqsija parlamentari mwieġba

… 74 ruling mogħti mis-Sedja; l-ebda wieħed ma ġie appellat

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Mill-bidu tal-14-il Leġiżlatura sa issa…

Statistika li għandu f’idejh dan il-ġurnal turi li mill-bidu tal-14-il Leġiżlatura sal-4 t’Awwissu li għadda ġew sottomessi total ta’ 30,155 mistoqsija parlamentari u minnhom ġew imwieġba 28,814. Dan ifisser li għad baqa’ 1,076 mistoqsija parlamentari x’jiġu mwieġba. 

Jekk wieħed iħares lejn it-13-il leġiżlatura isib li kienu ġew sottomessi 24,855 mistoqsija parlamentari u minnhom ġew imwieġba 23,408. Il-mistoqsijiet parlamentari mhux imwieġba f’dik il-leġiżlatura kienu jammontaw għal 961. Fit-12 u l-11-il leġiżlatura, l-għadd ta’ mistoqsijiet parlamentari mhux imwieġba kienu ta’ 1,617 u 1,187 rispettivament. 

“Il-Parlament Malti l-aktar effiċjenti fiż-Żona Ewro” – l-Ispeaker Anġlu Farrugia

L-effiċjenza ta’ kull parlament f’demokrazija titqies minn kemm l-istituzzjoni tadotta liġijiet tul leġiżlatura sħiħa. Dan jgħodd ukoll għall-Parlament Malti fejn skont l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia huwa l-aktar wieħed effiċjenti fiż-żona Ewro.

F’intervista ma’ L-Orizzont, l-Ispeaker Farrugia jgħid li tul din il-leġiżlatura sa issa ġew ippubblikati 145 abbozzi ta’ liġi filwaqt li l-għadd ta’ Atti ppubblikati kienu jlaħħqu l-133. Minn Ottubru sa qabel il-Parlament aġġorna għall-btajjel tas-Sajf saru 115-il seduta li matulhom ġew approvati 41 abbozz ta’ liġi. 

“Kien hemm biss 19-il liġi li ġew approvati b’votazzjoni fit-Tielet Qari. Dan ifisser li l-maġġoranza assoluta tal-liġijiet kien hemm qbil dwarhom kemm fl-istadju tat-Tieni Qari, fl-istadju ta’ Kumitat u anke waqt it-Tielet Qari,” kompla jispjega l-Ispeaker.

Intant, bħala mozzjonijiet f’din il-leġiżlatura kien hemm 394 filwaqt li d-dokumenti mpoġġija fuq il-mejda tal-Kamra kienu jammontaw għal 5,789. Dan filwaqt li s-Sedja tat 74 ruling, li l-ebda wieħed minnhom ma ġie appellat. F’dan il-perjodu kien hemm 373 seduta plenarja, inżammu 436 laqgħa tal-Kumitati Permanenti u saru 74 Stqarrija Ministerjali.

F’kummenti oħra, l-Ispeaker Farrugia jgħid li għalkemm il-Parlament jinsab wieqaf għall-btajjel tas-Sajf, il-ħidma tal-Parlament xorta waħda tibqa’ għaddejja. Qal li matul is-Sajf hemm ippjanati diversi laqgħat fil-Parlament fosthom għaż-żgħażagħ u anke l-istudenti u oħrajn relatati mal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa. Dan apparti l-ħidma f’fora internazzjonali fosthom il-Konferenza tal-Ispeakers tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se ssir f’Settembru li ġej f’Ċipru.

L-Ispeaker irrefera wkoll għat-tiswijiet li hemm bżonn isiru fil-Parlament speċjalment fil-parti ta’ fejn hemm il-pontijiet li jgħaqqdu ż-żewġ binjiet. Qal li jeħtieġ isir dan l-intervent biex ikun hemm aċċessibilità aħjar ta’ dawn il-binjiet. 

Mistoqsi dwar il-ħtieġa li jkun hemm aġġornament tal-Istanding Orders, l-Ispeaker Farrugia qal li dawn għandu jkunu aġġornati għaliex “irridu nkomplu naraw l-aktar mod effiċjenti li jintuża l-Parlament” u f’dan ir-rigward diġà bdiet il-ħidma tant li tlaqqa’ wkoll kumitat ad hoc. 

Huwa nsista li jrid ikun hemm proċedura għal min jabbuża mill-privileġġ parlamentari. “Teżisti f’xi pajjiżi fosthom l-Awstralja u New Zealand. Id-dritt ta’ ċittadin meta jkun hemm xi ħadd li jabbuża minn dan il-privileġġ. Dik il-persuna jew kumpanija jkollha d-dritt rimedju billi jsir rapport lill-Ispeaker, li mbagħad jinvestiga u jekk jara li dak li ntqal mill-Parlamentari ma jkunx veritier jitolbu jerġa’ jirtira dak kollu li qal. Jekk le, l-Ispeaker ikollu l-awtorità bl-Istanding Orders li jsemmi min ikun qalha u jgħid li dik hi gidba,” qal l-Ispeaker. “Il-pubbliku jrid is-serjetà fil-Parlament. Irid ikun hemm id-dixxiplina fil-Parlament, li jiġu oservati r-regolamenti. Min jeċċedi l-limitu jkun hu li jkun qed jagħmel ħsara lilu nnifsu mhux lill-Parlament.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport