Thursday, December 26, 2024

3 snin ħabs wara li ffroda mara wara li wegħdha appartament u penthouse tal-Gvern

Aqra wkoll

Emanuel Xerri ra s-sentenza ta’ 3 snin priġunierija tiġi kkonfermata fl-Appella wara li wettaq frodi hekk kif kien jgħid li kien jaħdem Kastilja u allura seta’ jirranġa l-affarijiet lin-nies fost l-oħrajn lill-vittma kien qallha li se jirranġa għal appartament jew penthouse tal-Gvern. Hu ffroda €97,000.

Hu kien akkużat quddiem il-Qorti tal-Maġistrati li f’Ġunju tal-2017 u fix-xhur u s-snin ta’ qabel b’mezzi kontra l-liġi jew billi għamel użu ta’ ismijiet foloz jew ta’ kwalifiki foloz, jew billi nqeda b’qerq ieħor, ingann, jew billi wera ħaġa b’oħra sabiex iġiegħel titwemmen l-eżistenza ta’ intrapriżi foloz, jew ta’ ħila, setgħa fuq ħaddieħor, jew ta’ krediti immaġinarji, jew sabiex qanqal tama jew biża’ dwar ġrajja kimerika, għamel qligħ ta’ aktar minn €5000

Xerri kien akkużat ukoll li fl-istess perjodu, lok u ċirkostanzi approprja ruħu billi dawwar bi profitt għalih jew għal persuna oħra, is-somma ta’ aktar minn €5000 taħt titolu illi jġib miegħu l-obbligu tar-radd tal-ħaġa jew li jsir użu minnha speċifikat, liema somma ġiet fdata lilu minħabba lprofessjoni, industrija, kummerċ, kariga jew servizz tiegħu

Hu kien akkużat ukoll li kellu fil-pussess tiegħu jew taħt il-kontroll tiegħu xi oġġett għall-użu fit-twettiq jew f’konnessjoni ma’ xi frodi; filwaqt li fl-istess perjodu għamel, addatta, ipprovda jew offra li jipprovdi xi oġġett meta kien jaf li dan l-oġġett kien intiż jew addattat biex jintuża fit-twettiq ta’ jew f’konnessjoni ma’ frodi jew bl-intenzjoni li jintuża biex jitwettaq frodi jew jassisti flgħemil ta’ frodi.

Fir-rapport li kien sar lill-pulizija mill-persuna li ġiet frodata kien intqal li hu kien qed jaġixxi b’mod malizjuż meta kien qallha li kien uffiċjal pubbliku fosthom anke li kien jaħdem Kastilja.

Hu kien ħa flus mingħand il-vittma biex jirranġalha biex tapplika għal skema bħala live-in carer kif ukoll għal-liċenzja ta’ carer biex tkun tista’ taħdem barra minn Malta u barra dan takkwista dar minn għand l-Awtorità tad-Djar. Il-parte civile tisħaq li minn dan kollu ma mmaterjalizza xejn għaliex il-wegħdi tal-appellant kienu fiergħa.

Il-Prosekuzzjoni qalet li waqt l-investigazzjoni sar magħruf li Xerri kien jgħid lill-persuna frodata li kienet għaddejja komunikazzjoni bejnu u bejn Godwin Farrugia u David tal-Planning Authority fejn anke kien jurija messaġġi, liema messaġġi rriżulta li kienu kollha fittixji.

Mill-provi mressqa mill-Prosekuzzjoni jirriżulta li l-parte civile tat madwar €97,000 kważi kollha fi flus kontanti lill-appellant. Ħafna mill-flus kienu marbuta ma’ meljoramenti jew inkella bħala parti minn ħlas li kien dovut l-ewwel għax-xiri ta’ flat u wara għax-xiri ta’ penthouse. Jirriżulta wkoll li l-appellant kien jirreferi għall-persuna ta’ Godwin Farrugia li dan mhux tassew kien impjegat mal-Awtorita’ tad-Djar waqt li xhud ieħor ikkonferma li ma kien hemm ebda applikazzjoni f’isem il-parte civile mal-Awtorità tad-Djar.

L-Espert Anthony Spiteri, li kien maħtur mill-Qorti dwar it-telefonati li kienu jsiru bejn l-akkużat u l-persuna frodata, ikonkluda li dawn kienu qegħdin isiru billi jintużaw l-istessmobile u li ħafna mit-telefonati u sms’s kienu saru minn cell towers fl-inħawi ta’ Birkirkara fost postijiet oħrajn (bir-residenza tal-appellant tkun f’Birkirkara), kif inhu importanti wkoll li mir-records tal-appellant ma hemm ebda indikazzjoni li xi darba kellu xi impieg fiċ-ċivil.

Kien għalhekk li l-Imħallef Neville Camilleri ċaħad l-appell ta’ Xerri u kkonferma s-sentenza tal-Ewwel Qorti.

Ekonomija

Sport