Tuesday, December 24, 2024

30 impjegat ta’ BOV jagħtu rigal altruwist fi żmien fejn id-domanda tiżdied

Reazzjoni Entużjasta mill-Impjegati tal-BOV għal Blood Drive

Aqra wkoll

Kif tista’ tibda l-preparamenti għall-Milied aħjar milli billi tagħti l-aktar rigal altruwist possibbli? – id-demm. L-altruwiżmu kien fl-aqwa tiegħu faċċata taċ-Ċentru tal-BOV f’Santa Venera nhar il-Ġimgħa, 2 ta’ Diċembru, hekk kif l-impjegati tal-BOV ingħaqdu flimkien biex jagħtu d-demm. Din kienet l-ewwel inizzjattiva tal-għoti tad-demm organizzata mill-Bank of Valletta għal 2022, flimkien mas-Servizz Nazzjonali ta’ Trasfużjoni tad-Demm. Tletin impjegat taw id-demm matul din l-attività.

L-għoti tad-demm huwa parti integrali mill-kura ta’ tfal, nisa li jkollhom bżonn id-demm wara li jwelldu, u pazjenti li jkollhom jagħmlu operazzjonijiet serji. Borża demm tiġi pproċessata fi tliet prodotti: ċelloli ħomor, plażma u plejtlets, u borża waħda tista’ tgħin biex issalva xejn inqas minn tliet ħajjiet.

Tony Micallef, Infermier – Donor Liaison għas-Servizz Nazzjonali ta’ Trasfużjoni tad-Demm irringrazzja lill-amministrazzjoni tal-Bank u lil 30 impjegat li rrikorrew biex jagħtu d-demm, għall-mod ġeneruż ta’ kif wieġbu għas-sejħa biex jagħtu d-demm b’mod regolari. “Fil-preżent, mijiet ta’ pazjenti qegħdin jiddaħħlu l-isptar u jistennew li jirċievu trasfużjonijiet tad-demm wara sessjonijiet ta’ kimoterapija. Oħrajn jidħlu b’emerġenza u jkollhom bżonn jiġu operati, filwaqt li oħrajn qed jistennew biex isirilhom intervent ppjanat qabel il-festi tal-Milied. Minħabba f’hekk, huwa importanti ferm li wieħed jisħaq fuq kemm hu indispensabbli li jkun hemm għoti ta’ demm fuq bażi regolari. Ir-realtà hi li jekk ma jkollniex provvista adegwata ta’ demm, pazjenti morda bil-kanċer ikollhom jistennew ġranet biex jirċievu trasfużjonijiet ta’ demm li tant ikollhom bżonn, waqt li operazzjonijiet ikollhom jitħassru, xi ħaġa li ħadd ma jixtieq jesperjenza! Bis-saħħa ta’ dawn id-donazzjonijiet, nevitaw il-konsegwenzi qarsa ta’ provvista inadegwata ta’ demm, fosthom it-telf ta’ ħajjiet,” qal is-Sur Micallef.

L-inizzjattiva tal-Għoti tad-Demm għandha post speċjali fil-kalendarju tal-attivitajiet marbuta mar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) tal-Bank, kif spjega s-Sur Charles Azzopardi, Kap tal-funzjoni tas-CSR. “Tassew kien ta’ pjaċir għalina li stajna norganizzaw inizzjattiva oħra biex niġbru d-demm fost l-impjegati tagħna. Din kienet l-ewwel darba li reġgħet saret wara nuqqas ta’ sentejn minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija,” huwa qal. Għall-Bank, dawn l-avvenimenti jservu ta’ opportunità biex inħeġġu lin-nies jagħtu ‘r-rigal tal-ħajja’ bl-aktar mod altruwistiku, imma fl-istess ħin noħolqu aktar għarfien dwar il-bżonn ta’ inizzjattivi bħal dawn. “Dawn l-avvenimenti jorbtu perfettament mal-viżjoni tal-Bank li jaġixxi bħala organizzazzjoni b’kuxjenza soċjali u konformi mal-prinċipji tal-ESG li nħaddnu. Bħala waħda mill-akbar entitajiet kummerċjali li hawn f’Malta, nemmnu bis-sħiħ li għandna nipprovdu s-soċjetà b’riżorsi utli, u donazzjonijiet tad-demm huma kruċjali għal dawk li qed jiffaċċjaw esperjenzi sfortunati u li saħansitra jafu għandhom ħajjithom f’periklu.”

Meta wieħed jagħti d-demm, mhemmx impatt fuq saħħtu. Qabel ma ssir donazzjoni, isir eżami mediku biex ikun aċċertat li l-individwu huwa f’saħħtu biżżejjed u eleġibbli biex jagħti d-demm. 

Donaturi rġiel eleġibbli huma dawk bejn l-età ta’ 18 u 65 u dawn jistgħu jagħtu d-demm minn tal-anqas darba kull tliet xhur, waqt li nisa jistgħu jagħtu d-demm kull erba’ xhur (kull tliet xhur wara l-menopawża). Jitħaddmu miżuri ta’ sigurtà biex ikun hemm konformità mar-regolamenti marbuta mal-COVID-19.

Li tagħti d-demm huwa ġest nobbli imma fl-istess waqt faċli. Kulma trid tagħmel huwa li żżur is-Servizz Nazzjonali ta’ Trasfużjoni tad-Demm ġewwa G’Manġa, li huwa miftuħ 7 ijiem fil-ġimgħa bejn it-8 ta’ filgħodu u s-6 ta’ filgħaxija. Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur www.blood.gov.mt, jidħol fuq www.facebook.com/bloodmalta, jew iċempel fuq 8007 4313 jew 7930 7307. Gruppi jew organizazzjonijiet jistgħu wkoll jagħmlu bħal BOV u jorganizzaw inizzjattiva ta’ għoti ta’ demm fuq il-post tax-xogħol tagħhom. 

Ekonomija

Sport