Thursday, December 26, 2024

30 xahar ħabs fuq serq minn karozzi fil-Belt Valletta u l-Furjana

Aqra wkoll

Raġel li ammeta sensiela ta’ serqiet minn karozzi fil-Belt Valletta u l-Furjana lejn l-aħħar tax-xahar li għadda kien ikkundannat 30 xahar ħabs wara li l-Maġistrat sema’ kif huwa kien injora d-diversi opportunitajiet li ngħata sabiex jirranġa ħajtu.

Ivan Galea ta’ 48 sena mill-Belt Valletta, wieġeb ħati għall-akkużi li seraq minn sitt karozzi fuq perjodu ta’ ġimagħtejn. Huwa ammetta wkoll li wettaq ħsara volontarja fuq proprjetà ta’ terzi u li sar reċediv.

Fil-Qorti, l-Ispettur Daryl Borg qal li Galea ġie identifikat minn filmati tas-CCTV. Min tfittxija fir-residenza tiegħu nstabu wħud mill-oġġetti li kienu rrapportati li nsterqu mill-karozzi.

L-Ispettur Borg qal ukoll li Galea għandu fedina penali voluminuża b’xejn inqas minn ħames kundanni bejn Jannar tal-2014 u Ġunju tal-2021. Qal li l-Prosekuzzjoni kienet qiegħda tinsisti fuq piena ta’ ħabs effettiva.

Qabel ġie biex jagħti s-sentenza, il-Maġistrat Kevan Azzopardi staqsa lill-imputat jekk qattx daħal f’xi programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga. Galea wieġbu li pprova iżda qatt ma rnexxielu jlestih kollu.

Il-Maġistrat Azzopardi osserva li għalkemm l-imputat ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri, il-fedina penali tiegħu ma setgħetx tkun injorata, dan hekk kif ma kinitx l-ewwel darba li huwa xellef difrejgħ mal-ġustizzja.

“Uża dan iż-żmien fil-ħabs biex twaqqaf il-vizzju tad-droga darba għal dejjem,” qallu l-Maġistrat filwaqt li kkundannah għal sentejn u nofs ħafna u poġġieh taħt ordni ta’ trattament.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispettur Gabriel Micallef.

L-Avukat tal-għajnuna legali Martin Farrugia deher għal Galea.

Ekonomija

Sport