Libjan ta’ 52 sena kien ikkundannat 30 xahar ħabs wara li nstab ħati fuq akkużi ta’ serq.
Mahmud Suleiman Ben Ramadan kien mixli li fis-6 ta’ Ġunju 2020, seraq flixkun whiskey u oġġetti oħra mill-Carters Supermarket ta’ Ħal Tarxien u li kellu sikkina fil-pussess tiegħu.
Huwa kien mixli wkoll li fl-24 ta’ Ġunju 2020, seraq cash registers u żewġ bottijiet tal-karità minn ġewwa l-Aġenda Bookshop fl-Università ta’ Malta, l-Imsida.
Akkużi oħra miġjuba kontra tiegħu jgħidu li hedded diversi persuni, li seraq flus u oġġetti oħra mill-Costa Coffee tal-Belt Valletta u li kiser ukoll żewġ sentenzi sospiżi fil-konfront tiegħu.
Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello rriżulta li l-Pulizija waslu għall-imputat mill-kameras tas-sigurtà. Il-parti l-kbira tas-serqiet seħħew matul il-lejl.
Ben Ramadan instab ħati tal-akkużi ta’ serq, li hedded waħda mill-impjegati “li se jfittixha biex isawwatha” u li kiser żewġ sentenzi sospiżi u kien ikkundannat jiskonta perjodu komplessiv ta’ 30 xahar priġunerija effettiva.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Priscilla Caruana Lee, Jonathan Ransley u Sarah Zerafa.