Wednesday, April 17, 2024

31 impjegat tal-BOV jagħtu d-demm

Aqra wkoll

31 impjegat tal-BOV taw id-demm waqt blood donation drive organizzata mill-Bank of Valletta b’kollaborazzjoni mas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm.

L-ogħti tad-demm huwa integrali għas-sostenn tat-trattament ta’ tfal żgħar, nisa li jkollhom bżonn id-demm wara li jwelldu u pazjenti li jgħaddu minn operazzjonijiet kbar. Borża ta’ demm hija pproċessata fi tliet prodotti: red cell concentrate, plażma u platelets, u għalhekk persuna waħda tista’ tgħin biex issalva tliet ħajjiet.

Tony Micallef, Practice Nurse – Donor Liaison fi ħdan it-Taqsima tat-Trasfużjoni tad-Demm, irringrazzja lill-maniġment tal-BOV u lil dawn il-31 impjegat għar-rispons ġeneruż tagħhom biex jagħtu d-demm fuq bażi regolari. “Kull sena, eluf ta’ pazjenti huma grati għall-att ġeneruż ta’ dawk li jagħtu d-demm. Mingħajr dawn id-donaturi tkun ħafna iktar diffiċli biex nsalvaw il-ħajja ta’ dawk li huma fil-bżonn, hekk kif id-domanda għal trasfużjonijiet tad-demm ma tonqos qatt” stqarr is-Sur Micallef. 

Ta’ kull sena il-Bank of Valletta jorganizza diversi blood donation drives bl-għan li jgħin lill min jinsab fil-bżonn u biex jinkoraġixxi lill-impjegati kif ukoll lis-soċjeta’ biex kemm jista’ jkun nsalvaw il-ħajjiet tan-nies. “Dawn il-blood drives dejjem jagħtuna sens ta’ kburija fl-impjegati tagħna hekk kif dawn ikunu qed isaħħu l-viżjoni tal-BOV sabiex naġixxu bħala grupp soċjalment responsabbli skond l-gwida tal-ESG tagħna,” qal Charles Azzopardi, Head CSR & Communication fil-Bank of Valletta. “Grazzi għall-organizzaturi ta’ dawn il-blood drives, lis-Servizzi Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm kif ukoll lill-dawn il-31 impjegat, qiegħdin nidħlu f’posizzjoni aħjar biex nilħqu diversi SDGs tan-NU bħal ‘Good Health and Well-Being’.” 

Is-saħħa tad-donaturi ma tiġix affettwata meta jingħata d-demm u qabel kull donazzjoni jsir eżami mediku biex jiddetermina jekk persuna hijiex b’saħħitha u eliġibbli biex tagħti d-demm. Irġiel ta’ bejn it-18 u l-65 sena jistgħu jagħtu d-demm mill-inqas darba kull tliet xhur, waqt li n-nisa jistgħu jagħtu kull erba’ xhur (kull 3 xhur wara l-menopawża). Ġew implimentati ukoll miżuri tas-saħħa sabiex nimxu mar-regolamenti rigward il-COVID-19. 

Li tagħti d-demm huwa att faċli u nobbli. Sempliċiment żur iċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm fi G’Manġa kuljum bejn it-8 am u s-6 pm. Għal aktar informazzjoni idħol fuq www.blood.gov.mt, żur www.facebook.com/bloodmalta jew ċempel fuq 8007 4313 jew 7930 7307. Tista’ wkoll issegwi l-eżempju tal-Bank of Valletta u torganizza Blood Donation Drive fil-post tax-xogħol tiegħek.

Ekonomija

Sport