Wednesday, April 24, 2024

L-MIA l-aqwa ajruport Ewropew għall-akkreditament tal-esperjenza tal-passiġġieri

Aqra wkoll

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta tela’ fit-tielet livell tal-Programm ta’ Akkreditament tal-Esperjenza tal-Passiġġieri ta’ Airports Council International (ACI), u b’hekk huwa l-ewwel ajruport Ewropew li wasal sa hawnhekk.

Dan il-programm huwa mfassal apposta sabiex jevalwa kif l-ajruporti li jipparteċipaw fih jiġġestixxu l-esperjenza fl-ajruport permezz ta’ għarfien aħjar dwar il-passiġġieri, analiżi tal-kummenti tal-passiġġieri, kultura b’saħħitha fejn il-passiġġier jiġi l-ewwel, u innovazzjoni fis-servizz mogħti, fost affarijiet oħrajn.

“Ninsabu kburin li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ssodisfa l-kriterji ta’ ACI biex seta’ kompla javvanza f’dan il-programm. Il-pandemija kienet test iebes tal-ħeffa tagħna biex nadattaw għal aspettattivi li nbidlu b’pass mgħaġġel ferm. 

Issa ninsabu ħerqanin li ninkorporaw ir-rakkomandazzjonijiet ta’ ACI fil-pjan tagħna sabiex inkomplu nevolvu l-esperjenza fl-ajruport hekk kif naħdmu lejn l-irkupru tagħna,” qal il-Kap tal-Operat u l-Kontinwità tan-Negozju l-Inġ. Martin Dalmas.

Airports Council International kellu kliem ta’ tifħir dwar is-Secret Passenger Programme, inizjattiva li tnediet reċentement mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, u li permezz tagħha l-ajruport qiegħed jifhem aħjar l-esperjenzi tal-passiġġieri f’punti differenti tal-vjaġġ. Airports Council International faħħar ukoll il-programm ta’ taħriġ għall-partijiet interessati li jaħdmu fl-ajruport u li jiffoka fuq l-eċċellenza fis-servizz, kif ukoll l-isforzi tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sabiex iwassal il-kummenti li jirċievi mingħand il-passiġġieri lil kull min jaħdem fl-ajruport. 

Sport